“Il-11 ta’ Settembru 2001 Jibqa’ Jum Wara Jum Jimmarkana Direttament U Jgħallimna” – Il-PN

 “Il-11 ta’ Settembru 2001 Jibqa’ Jum Wara Jum Jimmarkana Direttament U Jgħallimna” – Il-PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ngħaqad mad-diversi stati u partiti fid-dinja libera u demokratika biex ifakkar l-bnedmin li tilfu ħajjithom jew ġew feruti fl-attakk mdemmi, żbaljat u vili tat-Twin Towers.

“Għoxrin sena għaddew minn dak il-jum li biddel ħajjitna lkoll. Jum li nkunu qed nonqsu minn dmirna jekk ma nfakkrux.” Dan hu dak li ntqal mill-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Carm Mifsud Bonnici flimkien mas- Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight fi stqarrija f’isem il-PN.

Huma qalu li dak li seħħ fil-11 ta’ Settembru 2001 jibqa’ jum wara jum jimmarkana direttament u jgħallimna. “Fuq naħa niftakru fil-banalitá assoluta tal-ħażen fuq l-oħra fl-għarfien li għandna nkun dejjem iktar attenti u preparati għall-aġir terroristiku.”

Il-PN tenna li dak li seħħ kien u jibqa’ kuntrarju għall-bniedem. “Jibqa’ dak li ġieb biss iktar mwiet, iktar straġi u iktar diffikultà biex il-paċi u l-ġustizzja jikbru.”

Il-Partit Nazzjonalista fakkar il-memorja ta’ dawk li ma għadhomx magħna b’mod partikolari ta’ Brian Cachia. Fakkar ukoll li bil-vjolenza ma joħroġx ħlief ħsara u distruzzjoni. Jingħaqad biex waqt li nieħdu l-lezzjonijiet neċessarji jkun vuċi għas-sewwa, fil-moderazzjoni, fl-għarfien li kull persuna huwa importanti, m’huwiex oġġett u li d-dinjitá li jħaddan trid tiġi protetta b’kull mezz.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com