Il-Gvern Ħabbar Li Ħa Jkun Qed Jixtri Binjiet Privati Li Huma Mikrija Minn Każini Tal-Banda

 Il-Gvern Ħabbar Li Ħa Jkun Qed Jixtri Binjiet Privati Li Huma Mikrija Minn Każini Tal-Banda

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu tħabbar li l-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp u l-Fond Soċjali (NDSF) ħa jkun qed jinnegozja ma’ sidien ta’ propjetajiet privati biex jakkwista binjiet li bħalissa huma okkupati mill-każini tal-baned.

L-għan ta’ dan l-intervent huwa li jipprovdi soluzzjoni ġusta lis-sidien ta’ propjetà privata, filwaqt li jiġu evitati sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-iżgumbrament ta’ każini tal-baned mill-postijiet li jinsabu fihom bħalissa.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qal li wara proċess metikoluż, evalwaturi indipendenti kienu ingaġġati minnufih biex jipprovdu valur u opinjoni indipendenti dwar is-siti li jinsabu f’sitwazzjoni prekarja jew diġà f’tilwima rigward l-okkupanza legali tagħhom.

Huwa rringrazzja lill-Għaqda Każini tal-Baned għall-kooperazzjoni tagħhom u qal li l-għajnuna tagħhom għenet lill-Gvern jifformula pożizzjoni soda biex jibda n-negozjati meħtieġa.

“Dan iwassal ukoll għat-twettiq ta’ wegħda oħra mill-Manifest Elettorali tal-2017, li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-wirt, l-identità kulturali u t-tradizzjonijiet ħajjin tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri”, qal il-Ministru Herrera.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat sostna li dan il-pass kuraġġuż huwa maħsub biex ittemm snin ta’ inċertezza li la l-membri tal-każini tal-baned u lanqas sidien ta’ propjetà privata ma jistħoqqilhom. Huwa faħħar lill-NDSF talli b’mod proattiv fittex soluzzjonijiet għal problema li ilha mifruxa fuq għexieren ta’ snin.

“Grazzi għal fondi li ġew iġġenerati mill-inizjattivi ta’ Malta li jwasslu għar-residenza u ċ-ċittadinanza, issa ninsabu f’pożizzjoni li nipprovdu serħan tal-moħħ lil mijiet ta’ nies li għandhom il-każini tal-baned qrib qalbhom. Meta nagħmlu dan, qed nipprovdu soluzzjoni vantaġġuża lis-sidien tal-propjetà, peress li se jiġu offruti prezz kompetittiv skont is-suq kurrenti”, temm is-Segretarju Parlamentari.

Matthew Pullicino

Insegwi b'mod attiv dak kollu li jkun qed jiġri, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Naffaxina ruħi bl-istorja, arti kultura li għandna f'pajjiżna u dak kollu li huwa Malti. Naħdem ħafna qrib għaqdiet volontarji fil-qasam kulturali u l-esperjenza tiegħi f'dan ix-xogħol nieħu pjaċir naqsamha ma' ħaddieħor