Il-Knisja F’Malta B’Jum Ta’ Talb U Sawm Għal Dawk Li Qed Ibatu Fl-Afganistan

 Il-Knisja F’Malta B’Jum Ta’ Talb U Sawm Għal Dawk Li Qed Ibatu Fl-Afganistan

L-Arċidjoċesi ta’ Malta qed torganizza jum ta’ talb u sawm għal dawk kollha li qed ibatu minħabba l-instabbiltà politika li jinsab fiha l-poplu Afgan. Il-Papa Franġisku stess appella għat-talb u s-sawm għall-Afganistan, u għad-djalogu u s-solidarjetà li joffru tama għall-futur ta’ dan il-pajjiż.

Fi stqarrija l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li nhar il-Ħamis li ġej, 16 ta’ Settembru, se jiġi organizzat dan il-jum ta’ talb mill-kappella tal-Junior College, l-Imsida, fejn se jkun qed jixxandar online fuq Knisja.mt u li ser jinkludi l-quddiesa ta’ kuljum mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna fid-9:30am fuq TVM2.

Il-Knisja f’Malta qed tħeġġeġ l-insara jingħaqdu fit-talb personali u s-sawm, u li jsegwu x-xandira li se tkun animata minn gruppi ta’ żgħażagħ, mill-istudenti fl-iskejjel u mill-parroċċi u l-għaqdiet Insara. Dan il-jum ta’ talb jibda fit-8 ta’ filgħodu u jintemm fit-8 ta’ filgħaxija.

Dakinhar, il-Millenium Chapel f’San Ġiljan se tkun miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jagħmlu mument ta’ adorazzjoni quddiem is-Sagrament.

Caritas Malta wkoll tenniet bl-appell tagħha għall-ġbir ta’ donazzjonijiet biex permezz ta’ Caritas Internationalis tingħata l-għajnuna tant meħtieġa lill-persuni tal-Afganistan u lil dawk tal-Ħaiti li ntlaqtu minn terremot qawwi.

Ritratt: BBC

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com