Il-Ministeru Soċjali Wettaq 95% Tal-Manifest Elettorali

 Il-Ministeru Soċjali Wettaq 95% Tal-Manifest Elettorali

“Il-Ministeru għas-Solidarjetá u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal diġà wettaq 95% tal-manifest elettorali kollu minn meta gvern Laburista reġa’ kien elett sabiex imexxi l-pajjiż f’Ġunju tal-2017. Dan il-Ministeru huwa responsabbli mit-twettiq tal-maġġoranza tal-miżuri soċjali, u sa issa twettqu kompletament 24 minn 34 proposta elettorali.”

Ħabbar dan il-Ministru Michael Falzon waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet. Matul din il-konferenza ngħataw dettalji ta’ wħud mill-iktar miżuri li għamlu differenza fil-ħajja tan-nies, ewlenija fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet, fiċ-children’s allowance, flimkien ma’ numru ta’ miżuri li jolqtu niċeċ speċifiċi.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dawn ir-riżultati ferm pożittivi jirriflettu direttament il-qagħda soċjali b’saħħitha li lkoll qed ngawdu f’pajjiżna. Fakkar kif dan il-Gvern telaq minn sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv, ħafna persuni bla xogħol, u oħrajn li kienu dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali.

Dwar ir-rati tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, kien innutat tnaqqis minn 46.1% fl-2014 għal 23.8% matul is-sena 2019, f’dik li hija ċaħda materjali u soċjali. Intqal ukoll li fix-xhur li ġejjin se tkun qed tinbidel is-sistema ta’ kif titkejjel iċ-ċaħda soċjali u materjali, meta din se tkun qed tinħadem fuq 13-il item minflok id-disgħa attwali. Dawn se jkunu qed jinkludu 7 household items u 6 items personali.

Il-Ministru Michael Falzon elenka iż-żieda fil-pensjonijiet fejn aktar minn 93,000 pensjonant din is-sena gawdew minn żieda ta’ €5 fil-ġimgħa. “Din kienet is-sitt żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet, u b’hekk wettaqna wegħda elettorali oħra, li laqtet tant eluf ta’ persuni,” qal il-Ministru Falzon.

Huwa kompla jispjega kif “l-introduzzjoni tat-tapering u l-‘in-work benefit’ wasslu għall-pass pożittiv li ħafna jagħżlu li jidħlu fid-dinja tax-xogħol flok jibqgħu fuq il-benefiċċji soċjali u b’riżultat t’hekk naqas anke l-faqar. It-tapering daħal fis-seħħ, matul is-sena 2014, u s’Awwissu tas-sena 2021 kien hemm 1018 persuna li gawdew minn din l-iskema. Dan in-numru għandu wkoll jittieħed f’kuntest fejn bqajna naraw jonqsu dawk fuq l-assistenza soċjali. Fil-fatt f’Lulju li għadda dawn niżlu għal iktar rata baxxa fl-istorja, fejn kien hemm biss 6043 fuq assistenza soċjali u 435 fuq l-assistenza tad-diżimpjieg.”

Fattur pożittiv ieħor huwa li 90% tal-benefiċċjarji baqgħu fid-dinja tax-xogħol.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan kollu huwa attribwit għall-tim b’saħħtu li dejjem jara li jkompli jinvesti fin-nies. Qal li dan il-Gvern se jkompli jiġġedded u xhieda ta’ dan se jkunu l-miżuri soċjali  bla preċedent fil-Baġit għas-sena 2022.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com