Il-Ministru Clyde Caruana Jżur L-Awtorità Maltija Għas-Servizzi Finanzjarji

 Il-Ministru Clyde Caruana Jżur L-Awtorità Maltija Għas-Servizzi Finanzjarji

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana żar l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, bħala parti mill-kampanja ta’ qabel il-baġit bit-tema “X’pajjiż tixtieq tħalli lil uliedek?” Fiż-żjara tiegħu, il-Ministru laqa’ lill-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità is-Sur Joseph Gavin.

Il-Ministru Caruana ddeskriva l-impenn tas-Sur Gavin bħala parti mir-ristrutturar meħtieġ biex jissaħħu s-servizzi finanzjarji ta’ pajjiżna. Huwa qal li matul is-snin is-servizzi finanzjarji kkontribwew bil-kbir fil-valur miżjud gross u f’eluf ta’ karrieri b’pagi tajbin fis-suq tax-xogħol Malti. Il-Ministru kompla billi qal li “L-ammont ta’ xogħol li jrid isir f’dan is-settur huwa sinifikanti, imma lkoll nafu li dan ilu żmien twil ġej. Huwa l-impenn personali tiegħi li nara li dan iseħħ, u pass pass inwettqu l-viżjoni li dan is-settur u dan il-pajjiż jistħoqqilhom għas-snin li ġejjin.”

Il-Kap Eżekuttiv il-ġdid, is-Sur Joseph Gavin qal, “Hekk kif bdejt il-ħidma tiegħi fl-Awtorità, nagħraf li dawn huma żminijiet ta’ sfida. Flimkien maċ-Chairman u t-tim Eżekuttiv, kommessi li nikkollaboraw mill-viċin man-National Coordinating Committee mmexxija mill-Gvern u l-entitajiet li jagħmlu parti minnha biex inkomplu nagħtu l-assistenza tagħna sabiex Malta timxi ’l quddiem. Il-mandat tal-MFSA għas-sena li ġejja jiffoka fuq aktar effiċjenza fil-proċessi regolatarji u titjib fil-kultura u kondotta tal-industrija permezz ta’ superviżjoni dettaljata u infurzar effettiv. Għandi fiduċja kbira fid-determinazzjoni li għandna biex nibnu settur tas-servizzi finanzjarji attraenti u fl-istess ħin wieħed li hu regolat bi sħiħ.”

Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen John Mamo qal, “Huwa bi pjaċir li nilqa’ lil Clyde Caruana, Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol ġewwa l-uffiċini tal-MFSA, filwaqt li nirringrazzjah għas-sapport tiegħu. Ħerqan biex naħdem mal-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-MFSA Joseph Gavin, li persważ li permezz tal-ħidma tiegħu u l-esperjenza li jġib miegħu se jkun qed imexxi l-awtorità ’l quddiem.”

Matul il-ġimgħat li ġejjin il-Ministru Caruana se jkompli biż-żjarat tiegħu f’numru ta’ entitajiet oħra sabiex ikompli jwassal il-viżjoni tal-Gvern għall-Baġit li ġej.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com