Il-Ministru Ian Borg Jinawgura L-Bini Ta’ Yacht Lift Ġdid B’Investiment Ta’ €3 Miljun

 Il-Ministru Ian Borg Jinawgura L-Bini Ta’ Yacht Lift Ġdid B’Investiment Ta’ €3 Miljun

B’investiment ta’ €3 miljun, Yacht Lift Malta Ltd, l-ewwel operatur ta’ floating boat lifts fil-Mediterran, bniet yacht lift ġdid li se jkun qed joffri kunċett ta’ manutenzjoni tad-dgħajjes li hu kemm favur l-ambjent kif ukoll joffri l-aqwa effiċjenza. Dan ġie inawgurat mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt konferenza għal-aħbarijiet f’Ta’ Xbiex.

Il Ministru Ian Borg qal, “Ninsabu fuq quddiem fis-settur marittimu u kommessi li nkomplu naħdmu aktar sabiex nibqgħu leaders f’dan is-settur. Rajna kisbiet kbar, fosthom li lħaqna kważi elf superyacht irreġistrat taħt il-bandiera Maltija. Dan il-yacht lift joffri kunċett ta’ servicing u maintenance tad-dgħajjes uniku għar-reġjun tal-Mediterran. Tajjeb ngħidu li dan il-yacht lift ġibed ukoll sidien ta’ dgħajjes barranin minn pajjiżi madwar il-Mediterran u fl-Ewropa li sabuha iktar konvenjenti li jużaw yacht lift Malta minflok tarznari ta’ dgħajjes barranin. Dan huwa l-mod kif irridu nibqgħu mixjin ’il quddiem. Dan hu gvern favur l-innovazzjoni u l-progressività. Ninsabu kommessi li nibqgħu naġġornaw ruħna u nimplimentaw l-aqwa teknoloġija sabiex il-bandiera Maltija tibqa’ tassew l-aqwa fl-Ewropa fl-industija marittima u nibqgħu niġbdu aktar investimenti lejn pajjiżna.”

Dan il-yacht lift jagħti lis-sidien tad-dgħajjes l-għażla li jieħdu l-bastiment tagħhom fuq il-baħar minflok fuq l-art, jiffranka l-ħin u l-flus u jnaqqas il-ħinijiet ta’ stennija. Is-sistema innovattiva tiegħu toffri l-aħħar teknoloġija għall-irfigħ tal-jottijiet b’metodu li jpoġġi l-inqas ammont ta’ tensjoni fuq il-buq tad-dgħajsa, hekk kif il-bastiment jittella’ bil-karina minflok biċ-ċineg. Barra minn hekk, dan il-yacht lift ma jħalli l-ebda pressjoni fuq il-bastimenti u għalhekk jipprevjeni kwalunkwe ħsara.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com