“Il-Partit Laburista Fil-Gvern Għandu L-Kredenzjali Li Jwettaq” – Il-Prim Ministru
F’diskors fi tmiem il-konferenza bit-tema Inġeddu Malta Flimkien, il-Prim Ministru Robert Abela spjega fid-dettall il-mod kif il-Partit Laburista jrid jibqa’ jaħdem biex iġedded lil pajjiżna.
Tiġdid li jrid ikun il-garanzija li biex iċ-ċittadini Għawdxin u Maltin jesperjenzaw kwalità ta’ ħajja aħjar.
Dan għandu jkun rifless fil-budget li l-gvern se jippreżenta f’Ottubru.
“Se noffru kwalità ta’ ħajja aħjar, b’budget ieħor bla taxxi, budget ieħor li se jwieżen lil min waqa’ lura, budget ieħor li se joffri tama ġdida liż-żgħażagħ, budget ieħor li jżid il-pensjonijiet. Li se jagħti inċentivi għall-investiment, iktar xogħol ta’ kwalità lill-Maltin u l-Għawdxin u li jħalli aktar flus fil-but tan-nies. Imma fuq kollox, li nsaħħu l-ambjent naturali u anke l-ambjent ta’ fejn ngħixu,” qal il-Prim Ministru.
Budget li dwaru l-Prim Ministru tenna li l-Partit Laburista fil-Gvern għandu l-kredenzjali li jwettaq. Budget li se jkompli jinvesti fil-familji Maltin u Għawdxin.
“Bħalma għamilna qabża fl-ekonomija, bħalma għamilna qabża fis-servizz tas-saħħa, bħal ma għamilna qabża fl-infrastruttura ta’ Malta, l-qabża li jmiss se tkun li nagħmlu Malta isbaħ u iktar nadifa, għalina u għal uliedna,” kompla jsostni l-Prim Ministru.
Tkellem dwar il-ħtieġa li tkompli l-bidla, li ssir il-konsultazzjoni u li fuq kollox jittieħdu d-deċiżjonijiet.
“Minn fejn stajna nqasna li nikkonsultaw biżżejjed, irridu nieħdu t-tagħlimiet. Li hu żgur li daqskemm hu importanti li nikkonsultaw, daqstant ieħor li niddeċiedu,” qal il-Prim Ministru.
Hawn il-Prim Ministru tkellem dwar temi li jeħtieġ li jkollna diskussjoni dwarhom bħala poplu wieħed. Fosthom dwar it-trasport tal-massa. “Lesti nibdlu l-mod kif ngħixu? Li nużaw it-trasport tal-massa flok il-karozza privata tagħna? Lesti nagħmlu sagrifiċċji ħabba inkonvenjent waqt li qed tinbena l-metro? Lesti iżda, fuq kollox, li nimmodernizzaw pajjiżna?”
Il-Prim Ministru Abela żied ukoll li l-aktar mistoqsija importanti li jeħtieġ li titwieġeb permezz ta’ djalogu maċ-ċittadini, hi xi prezz se jħallsu ulied uliedna jekk niddeċiedu li nibqgħu kif aħna.
Fuq it-tema tal-ambjent, Dr Abela spjega l-prijorità li qed jingħata b’referenza għan-negozji f’pajjiżna.
“Bl-istess mod il-kumpaniji l-kbar qed inħeġġuhom jagħmlu investiment akbar biex juzaw makkinarju aktar effiċjenti. Bħala Gvern għandna l-inċentivi. L-industrija hija magħna fil-qalba għal pajjiż aktar nadif, aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. U wieħed li jkun ferm aktar attraenti għal investiment gdid.”
Pajjiżna jeħtieġ li jkompli jiġġedded ukoll fejn jidħlu riformi anke jekk diġa’ saru ħafna riformi.
“Irridu naraw ukoll li tibda’ diskussjoni sħiħa dwar riforma elettorali serja, biex l-għażla tan-nies tirrifletti aħjar is-soċjetà li qed ngħixu fiha. Forsi tgħiduli, imma ahna mhux tajjeb qegħdin fil-voti? La qegħdin sew, għalfejn nibdew din id-diskussjoni? U nweġibkom li dan mhux il-moviment li jikkuntenta ruħu li jirbaħ lill-Partit l-ieħor. Dan huwa moviment li jikkuntenta ruħu meta jwettaq bidliet maturi li jħallu impatt pożittiv fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.”
Il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista kien ċar, li minkejja dak kollu li twettaq hemm iktar x’nagħmlu biex inkomplu nġeddu lil Malta. Tiġdid li l-Partit Laburista, se jwettqu bil-qalb soċjali li tħaddem il-Partit.
“Malta u Għawdex tagħna. Maltin u Għawdxin li jinħabbu. Pajjiż ġust – f’kollox. Fil-ġustizzja. Fl-ekonomija. Fl-ambjent. Fil-ġustizzja soċjali. Din hija Malta tal-futur. Aħna l-futur. Inġeddu, għax ma nafux nieqfu nimxu ‘il quddiem. Malta, għax din l-art inħobbuha. Flimkien, għax mingħajrkom m’aħna xejn. Għalhekk l-istedina biex tingħaqdu miegħi, tingħaqdu magħna. Tkunu intom l-istilel ta’ Tim Malta biex Inġeddu Malta Flimkien.”