Stradarjali.com Tiċċelebra L-Ewwel Sena Tagħha – Sit Miftuħ Għal Kulħadd

 Stradarjali.com Tiċċelebra L-Ewwel Sena Tagħha – Sit Miftuħ Għal Kulħadd

Stradarjali.com diġà qed tiċċelebra l-ewwel sena tagħha. Kien fil-21 ta’ Settembru tal-2020 meta ttellgħu l-ewwel artikli. Sena wara bi kważi 26 elf like fil-paġna u eluf li jżuru s-sit tagħna ta’ kuljum, diġà qed inħabbtuha mal-kbar.

Kburin li dejjem ħdimna indipendentament; inkitbu artiklu favur jew ta’ kritika lill-Gvern, favur jew ta’ kritika lill-Oppożizzjoni, u partit oħra, suġġetti kontroversjali u oħrajn.

Kien hemm mumenti fejn diġà konna aħna l-ewwel bl-aħbar jew anke b’dettalji esklussivi.

Ħadmu magħna diversi persuni diġà fejn kif jaf kulħadd, fil-ġurnaliżmu, ħafna jimxu ‘l quddiem u aħna nawgurawlhom minn qalbna.

Bil-limitazzjonijiet tagħna, nippruvaw nagħtukom opportunità ta’ informazzjoni kif inhi. Ġieli jkun hemm kritika li aħna wisq Laburisti kif daqshekk ieħor ikollna kritika li aħna wisq Nazzjonalisti. Dan nieħdu gost bih għaliex aħna qed inkunu verament dak li ppreżentajna sena ilu; indipendenti.

Nieħdu gost nisimgħu mingħandkom. Il-kritika kostruttiva ġid biss tagħmel.

Kien hemm ukoll fejn żbaljajna u dan irikonoxxejnieh u niskużaw ruħna tiegħu. Fil-ġurnaliżmu, kull jum li jgħaddi huwa lezzjoni. Ma tistax tippretendi li taf kollox. Saqajna mal-art biex inkomplu nitgħallmu.

Nawguraw li tibqgħu ssibuna interessanti għalikom. Il-Festa t-tajba!

Nota ta’ grazzi lil dawk li emmnu fina. Ma nistgħux ma nsemmux lil Karl Bonaci minn FLiving tas-sapport kontinwu, kif ukoll lil dawk li jirreklamaw magħna. Grazzi mill-qalb!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com