Il-PN Iwiegħed Żieda Fil-Pagi U Titjib Fil-Kundizzjonijiet Tal-Għalliema
Ilbieraħ filgħaxija waqt sessjoni oħra ta’ mistoqsija u tweġiba din id-darba ġewwa Ħ’Attard, is-suġġett diskuss kien l-edukazzjoni.
“Taħt Gvern Nazzjonalista, irrid inħajrek li int jekk tagħżel il-professjoni ta’ għalliem, int se tkun imħallas kif suppost, li jekk int għalliem, int se tkun tista’ tavvanza u timxi aktar ‘il quddiem” qal dan il-Kap tal-PN Bernard Grech.
Huwa wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li jkun hemm żieda u titjib radikali fis-salarji u l-kundizzjonijiet tal-għalliema u l-edukaturi, kemm dawk tas-settur pubbliku u anke dawk ta’ skejjel privati u tal-Knisja.
Meta mistoqsi dwar l-ambjent ta’ l-iskejjel Bernard Grech wieġeb li “l-iskejjel għandhom isiru aktar effiċjenti fl-enerġija, il-bjut għandhom jintużaw għall-pannelli solari, u l-klassijiet għandhom ikunu bl-arja kondizzjonata, li jippermettu li l-iskejjel jintużaw ukoll b’mod komdu matul is-sajf għal diversi bżonnijiet tal-komunità, inklużi skejjel tas-sajf”.
Matul din l-attività għamlu intervent ukoll Dr. Colin Calleja, id-Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni kif ukoll l-għalliema Elaine Vella Magri Demajo.