Jiġi Ffirmat Ftehim Bejn Id-Dipartiment Tax-Xogħlijiet Pubbliċi U L-Università Ta’ Malta

 Jiġi Ffirmat Ftehim Bejn Id-Dipartiment Tax-Xogħlijiet Pubbliċi U L-Università Ta’ Malta

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministri Ian Borg u Justyne Caruana segwew l-iffirmar ta’ ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, u l-Università ta’ Malta.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal kif din il-kollaborazzjoni mhijiex waħda ġdida iżda kienu bosta d-drabi fejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Università ta’ Malta kkollaboraw flimkien fuq diversi proġetti. “Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qiegħed iwassal diversi proġetti li jvarjaw minn dawk komunitarji sa dawk kapitali, bħalma hu l-proġett tal-Malta National Park li ġie fdat f’idejn dan id-dipartiment. Dan il-ftehim tal-lum huwa pass ieħor ’il quddiem sabiex inkomplu negħlbu aktar sfidi attwali bħalma huma l-bidla tal-klima kif ukoll il-ħtieġa għal żvilupp aktar sostenibbli u infrastruttura aktar ħadranija. Jiena ninsab ċert li kemm id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kif ukoll l-Università ta’ Malta għandhom għan wieħed komuni, dak li fl-aħħar mill-aħħar jitwasslu proġetti tal-aqwa kwalità u li minnhom se jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu.”

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tkellmet dwar l-importanza li l-Ministeru qed jagħti biex l-istudenti jingħataw aktar opportunitajiet biex dak li jkunu qed jitgħallmu, jipprattikawh ukoll fuq il-postijiet tax-xogħol.

“Qed nieħu gost nara li l-ftehim se jwassal ukoll biex ikun hemm diskussjonijiet dwar kontenut ta’ tagħlim li tagħti l-Università f’livelli differenti, inkluż ukoll f’settur li l-Università hija fuq quddiem, dik ta’ riċerka, imma wkoll kif l-Università se tagħti kontribut biex twassal l-għarfien tagħha lil dawk kollha li huma involuti f’dawn l-oqsma, lil dan id-dipartiment. Importanti wkoll li se naraw ħidma biex ikun hemm work placements ta’ studenti universitarji biex jieħdu esperjenza fuq post tax-xogħol li jkun marbut mal-istudji tagħhom u li dan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jista’ jipprovdi.”

Il-Ministru Caruana qalet li dwar dan, il-ministeru qed jaħdem bis-sħiħ biex jinvesti fl-akbar riżors li għandu l-pajjiż – ir-riżors uman. Irridu li lil hinn mill-bankijiet tat-tagħlim, l-istudenti tagħna, iż-żgħażagħ tagħna, ikollhom esperjenza diretta fuq postijiet tax-xogħol, li permezz tagħha jqarrbu dak li jkunu qed jitgħallmu u jistudjaw, mar-realtà fuq il-post tax-xogħol.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com