“Il-PN Jemmen Li Għall-Ħajja Tan-Nies M’Hemmx Prezz…Il-PL Jaf Il-Prezz Ta’ Kollox, Iżda Mhux Il-Valur Tal-Bniedem” – Bernard Grech

 “Il-PN Jemmen Li Għall-Ħajja Tan-Nies M’Hemmx Prezz…Il-PL Jaf Il-Prezz Ta’ Kollox, Iżda Mhux Il-Valur Tal-Bniedem” – Bernard Grech

Hekk kif l-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista bħala parti mill-festi tal-Indipendenza jkomplu jintensifikaw, dalgħodu kien imiss intervista fuq il-Fosos tal-Florjana, fejn l-ġurnalist ta’ One News Colin Deguara saqsa mistoqsijiet lill-Kap tal-PN Bernard Grech.

Mistoqsi dwar l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, il-Kap tal-PN qal li b’umiltà, il-Partit immexxi minnu għandu jifhem li jrid jaħdem aktar. “U bħalma ma beżax mill-isfidi biex iġib ix-Xogħol, il-Ġustizzja u l-Libertà, kif ukoll biex daħħal lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea u sfidi oħrajn, hekk ukoll mhux se jibża’ mill-isfidi elettorali.”

Meta mistoqsi dwar l-ekonomija Bernard Grech qal li l-PN ġa beda jniedi proposti b’saħħithom sabiex jkompli jkabbar l-ekonomija ta’ Malta. Qal li ma jridx jibbaża kollox fuq l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti iżda ħa jkun qed jaħdem sabiex jinħolqu niċeċ ġodda.

Rigward il-proposti li l-PN ħareġ fosthom li jirdoppja l-limitu tal-eżenzjoni mill-VAT minn €30,000 għal €60,000, Bernard Grech qal li m’hemmx ekonomista wieħed li tkellem kontra din l-inizjattiva.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta proposti bbażati fuq pjan fit-tul, għall-kuntrarju tal-Partit ta’ Robert Abela li, kemm ilu fil-Gvern, dejjem ħa deċiżjonijiet skont il-mument.

Meta mistoqsi minn Colin Deguara dwar l-art tal-Ħondoq jekk jafx kemm tiswa l-art li l-PN irid jixtri lura, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal “li l-prezz tal-Ħondoq huwa s-saħħa tan-nies, hu għan-nies aħna nagħmlu dak kollu li huwa possibbli, filwaqt li Robert Abela jagħmel kollox biex jipproteġi lill-kriminali.”

L-istess ġie mistoqsi jekk jafx kemm ħa jiġu jiswew il-proposti dwar is-saħħa li qed jipproponi l-PN fosthom li l-Gvern jħallas għall-kura tal-kanċer li tingħata barra minn Malta. Bernard Grech wieġeb li “l-Partit Nazzjonalista jemmen li għall-ħajja tan-nies m’hemmx prezz, filwaqt li l-Partit Laburista jaf il-prezz ta’ kollox, iżda mhux il-valur tal-bniedem.”

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed ikun proattiv u qed iwiegħed diversi proposti konkreti li bihom se jkun qed itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com