Il-PN Jisħaq Li L-Gvern Għandu Jagħti Rimbors Tal-Ispejjeż Lil Dawk Il-Maltin Li Kellhom Jagħmlu Kwarantina F’Lukanda

 Il-PN Jisħaq Li L-Gvern Għandu Jagħti Rimbors Tal-Ispejjeż Lil Dawk Il-Maltin Li Kellhom Jagħmlu Kwarantina F’Lukanda

F’reazzjoni mill-Partit Nazzjonalista wara dak li ġie mħabbar mill-Ministru Chris Fearne llum ntqal li din id-deċiżjoni tirrikonoxxi li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun fl-appell tiegħu li sar mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech diġà nhar fit-13 ta’ Settembru u repetut f’konferenza stampa lbieraħ li l-kwarantina f’lukanda għal dawk li għandhom residenza Malta hija sproporzjonata u inġustifikata.

Fi stqarrija l-PN qal li minn dakinhar ma nbidel xejn fis-sitwazzjoni tal-pandemija. “Id-deċiżjoni tal-Gvern illum li jwaqqaf il-kwarantina fil-lukandi tikkonferma għaldaqstant li d-deċiżjoni inizjali tiegħu kienet arbitrarja u mhux ibbażata fuq bżonn ta’ saħħa pubblika,” sostna l-PN.

“Issa la l-Gvern jaf li żbalja jeħtieġ li jħallas. Hekk jagħmel meta jiżbalja ċittadin,” tenna jgħid il-PN filwaqt li qal li l-Gvern għandu juri l-istess responsabbiltà u l-istess umiltà f’għemilu.

Il-PN kompla jisħaq li “dawk il-mijiet li ntbagħtu fil-lukanda inġustament meta dawn kellhom residenza privata f’Malta stess għandhom jingħataw rimbors tal-ispejjeż li daħħalhom fihom il-Gvern.”

Fin-nuqqas ta’ dan ntqal li, Gvern ġdid Nazzjonalista ser jkun qed jikkunsidra talbiet ta’ persuni li batew spejjeż bħal dawn inġustament bħala inġustizzji li jiġu indirizzati b’kumpens xieraq.

F’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu l-Kap tal-PN Bernard Grech irringrazzja lil Daniel u Rachel Umanah kif ukoll lil Andre Borg fejn qalhom li huma kien il-bidla, għaliex mindu tkellmu huma l-Gvern waqqaf sistema inġusta fejn Maltin kienu sfurzati jħallsu €1,400 għal kwarantina f’lukanda.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com