Imnedija Edizzjoni Oħra Tal-Ġimgħa Ewropea Tal-Isport 2021

 Imnedija Edizzjoni Oħra Tal-Ġimgħa Ewropea Tal-Isport 2021

Tnediet il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport li se ssir bejn it-23 u t-30 ta’ Settembru, li hi waħda mill-għodod li l-Kummissjoni Ewropea ħolqot biex tgħin fil-ġlieda favur l-attività fiżika. L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li kemm jista’ jkun iċ-ċittadini Ewropej jintlaħqu mill-messaġġ #BeActive u jiġu ispirati biex l-attività fiżika, sempliċi kemm hija sempliċi, issir parti minn ħajjithom.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li dawn l-attivitajiet qed isiru biex jitwassal il-messaġġ li l-isport isaħħaħ mhux biss il-fiżika tal-bniedem, iżda wkoll is-saħħa mentali.

Tenna li l-gvern qed iqis l-edukazzjoni bħala pilastru ewlieni għall-isport f’pajjiżna u rridu naħdmu biex inħeġġu aktar tfal, familji u żgħażagħ jieħdu sehem f’dixxiplina sportiva bil-għan li jkollna atleti li kapaċi jiksbu livelli nazzjonali u internazzjonali.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li sena wara sena dan l-avveniment qed jikber u jagħti l-frott. Fil-fatt, jidher ċar li n-numru ta’ nies li qed jagħmlu attività fiżika qed jiżdied, iżda qatt mhu biżżejjed.

Huwa qal li l-avveniment nazzjonali ewlieni ser isir fit-23 Settembru fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop u ser jinkludi kompetizzjonijiet ta’ timijiet u ta’ individwi minn diversi dixxiplini sportivi.

Spjega li t-tieni attività, BeActive Night, hija kompetizzjoni ta’ obstacle uphill sprint relay bejn numru ta’ atleti li ser tixxandar diretta fil-25 ta’ Settembru. Barra minn hekk, diversi kunsilli lokali minn Malta u Għawdex ser jorganizzaw numru ta’ attivitajiet sportivi matul din il-ġimgħa.

Iċ-Chairmain ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li l-avveniment jissejjaħ BeActive għax kulħadd jista’ jkun attiv b’metodi differenti, filwaqt li ħeġġeġ lill-kunsilli lokali sabiex ikunu proattivi u jkunu parti minn dawn l-avvenimenti.

L-ambaxxaturi tal-Ġimgħa Ewropea għall-Isport ser ikunu atleti li ħafna minnhom ikkompetew fl-Olimpjadi u fil-Paraolimpjadi. L-ambaxxaturi ser ikunu Sasha Gatt, Yazmin Zammit Stevens, Matthew Abela, Eleanor Bezzina, Carla Scicluna u Andrew Chetcuti li kollha ħadu sehem fl-Olimpjadi ta’ Tokjo. Magħhom ser ikun hemm ukoll Thomas Borg u Vlada Kravchenko li ħadu sehem fil-Paraolimpjadi ta’ Tokjo flimkien mal-paratleta Matthew Bugeja.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com