Inawgurat Laboratorju Ġdid Għas-Servizzi Agrikoli
Wara proċess ta’ rinovazzjoni, ġie inawgurat il-Laboratorju għas-Servizzi Agrikoli li jinsab fl-Agricultural Research and Innovation Hub. L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo.
Il-laboratorju twaqqaf ‘il fuq minn erbgħin sena ilu u joffri servizz lill-komunità tal-bdiewa. Maż-żmien, id-domanda tal-bdiewa għall-ittestjar tal-ħamrija u l-ilma għat-tisqija kibret u b’hekk ir-ristrutturar tal-laboratorju kien ta’ importanza kbira.
Il-Ministru Anton Refalo qal li, permezz ta’ miżura tal-Baġit 2020, il-Ministeru alloka s-somma ta’ €200,000 sabiex titjieb l-infrastruttura b’investiment f’dan il-laboratorju li joffri servizz daqstant importanti f’pajjiżna. Dan ix-xogħol ikompli jenfasizza l-impenn tal-gvern f’dan is-settur. Illum f’Malta għandna laboratorju armat b’dak kollu li hu neċessarju u x-xogħol jista’ jsir f’ambjent iktar adegwat u li fuq kollox jissalvagwardja wkoll is-saħħa tal-ħaddiema.
Kompla jgħid li bis-saħħa t’hekk din l-infrastruttura se sservi sabiex il-bdiewa u r-raħħala jkunu jistgħu jingħataw servizzi aktar professjonali għaliex konxji kemm hu importanti li l-għelieqi u l-ħxejjex imkabbra jkunu mmaniġġjati b’mod aktar sostenibbli.
Permezz tal-laboratorji u s-servizz mogħtija mill-AgriConnect, id-Direttorat għall-Agrikoltura se jkun jista’ jkompli jservi ta’ spalla għas-settur. Ħafna mill-kampjuni tal-ħamrija se jkunu eżaminati minħabba obbligi ta’ skemi tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-miżura għall-Implimentazzjoni ta’ Pjan għall-Ġestjoni u Konservazzjoni tal-Ħamrija fuq Ħbula ta’ Art (AECM5), li tirrigwarda l-ittestjar għall-materjal organiku.
Se jsiru wkoll testijiet għall-NPK fil-ħamrija, liema riżultati jintużaw mill-bdiewa għall-applikazzjoni tal-fertilizzanti skont il-pjan ta’ fertilizzazzjoni. Dan il-pjan huwa obbligu legali maħsub biex jippreveni l-applikazzjoni żejda ta’ fertilizzanti u b’hekk jipproteġi l-ilma tal-pjan mit-tniġġiż ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli. Prattika tajba bħal din tassisti lill-bdiewa biex jippjanaw u japplikaw b’mod adegwat fertilizzanti b’benefiċċju ekonomiku.
Permezz ta’ dan il-laboratorju ristrutturat, il-Ministeru se jkompli jgħin lill-bdiewa jaffaċċjaw l-isfidi tal-produzzjoni sabiex jipproduċu prodotti ta’ kwalità, kif ukoll sabiex jikkonformaw ma’ obbligi ambjentali.
Ritratti: DOI