Inawgurat Xogħol Ta’ Restawr Fuq Il-Gardjola U T-Torri Tal-Isla U S-Sur Ta’ San Mikiel

 Inawgurat Xogħol Ta’ Restawr Fuq Il-Gardjola U T-Torri Tal-Isla U S-Sur Ta’ San Mikiel

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg inawgura x-xogħol ta’ riġenerazzjoni li sar mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) fuq is-swar ta’ San Mikiel u belvidier ġdid fl-Isla.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “L-infrastruttura mhijiex biss it-toroq, u l-ħidma ta’ dan il-gvern tmur lil hinn, u propju llum, hawnhekk, qed naraw prova oħra ta’ gvern li tassew qiegħed għan-nies u li l-viżjoni tiegħu għal pajjiżna hi waħda ħolistika li tħares lejn il-bosta fatturi u sezzjonijiet ta’ pajjiżna, fosthom il-wirt storiku”.

Ix-xogħlijiet kienu jinkludu r-restawr ta’ 4,500 metru kwadru ta’ ħitan ta’ fortifikazzjoni, restawr tat-Torri msejjaħ ‘L-Arloġġ’ li huwa ikoniku għan-nies tal-Isla, sistema ta’ dawl ġdida, u belvidier ġdid li issa se jkun disponibbli għall-użu tal-pubbliku ġenerali u t-turisti u restawr tal-Gardjola.

Apparti dan ix-xogħol, ittieħdet deċiżjoni li jsir xogħol ieħor li ma kienx oriġinarjament ippjanat. Dan kien jinkludi r-restawr u l-irranġar tal-ħitan fuq iż-żewġ naħat tat-telgħa għad-daħla tal-Isla, li tagħti għall-Maċina, kif ukoll fuq il-ħitan ta’ fuq il-mina li tagħti għat-tarzna. Dan tal-aħħar kien meħtieġ minħabba l-istat prekarju li kien jinsab fih dan il-ħajt li jservi bħala retaining wall għat-triq prinċipali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Gino Cauchi qal li, “Permezz ta’ din il-ħidma li qed terġa’ tagħti lura l-glorja u toħroġ is-sbuħija tas-swar u tal-belvidier tad-daħla tal-Isla, issa jmiss il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-pjazza li meta jkun lest ser jagħti lil din il-belt daħla kif jixirqilha sabiex tilqa’ u tospita bl-aħjar mod lil dawk kollha li jiġu biex iżuru l-partijiet storiċi ta’ din il-belt. Fuq kollox dan il-proġett ser ikompli jżid ma’ kullana ta’ proġetti li qed jitwettqu mill-gvern ċentrali biex il-Kottonera tkompli tingħata l-importanza u d-dehra li jixirqilha”.

Iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Anthony Agius Decelis semma kif dan hu proġett ieħor ta’ riġenerazzjoni mill-gvern biex jitgawda mill-poplu kollu. Semma wkoll li Malta u Għawdex huma mimlija siti storiċi u ta’ preġju u dan il-gvern qiegħed jinvesti sabiex jibqa’ jiġġenera u jippreserva kull rokna.

Is-Sindku tal-Isla Clive Pulis qal li, “Permezz ta’ dan ix-xogħol ser inkomplu nżidu l-valur turistiku ta’ din il-belt storika, żona li għal ħafna żmien kienet mitluqa. Grazzi għal dan il-gvern, fiż-żmien li ġej din iż-żona issa se tkun tista’ titgawda mir-resdienti tal-lokal u dawk kollha li jiġu jżuru l-belt tal-Isla”.​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com