Inawgurati L-Uffiċini Ġodda Ta’ Gaming Malta

 Inawgurati L-Uffiċini Ġodda Ta’ Gaming Malta

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri inawgura l-uffiċċji l-ġodda ta’ Gaming Malta li jagħmlu parti minn binja fiż-Żejtun li tiġbor fiha għadd ta’ entitajiet governattivi.

Il-Ministru Schembri qal li “l-uffiċċji l-ġodda huma simbolu tal-ambizzjonijiet kontinwi tagħna lejn din l-industrija u dan l-impenn se jkompli jintensifika permezz ta’ Gaming Malta biex inkomplu nassiguraw li dan is-settur ikompli jikber.”

Il-Ministru ħabbar li f’dan il-kuntest se jitwaqqaf iGaming Council li se jkun taħt l-awspiċi ta’ Gaming Malta. “Dan se jinkludi operaturi ewlenin tal-industrija u se jservi ta’ forum li jinkoraġġixxi komunikazzjoni diretta ma’ msieħba mill-Gvern bil-għan li nibnu relazzjoni eqreb bejn il-Gvern u is-settur”.

Il-Ministru Schembri rrefera għal rapport li sar mill-kumpanija ta’ reklutaġġ, Boston Link, li wera li x-xogħlijiet fil-qasam tal-iGaming f’Malta qed jiżdied​u. L-istħarriġ jirreferi għas-suq tax-xogħol tal-iGaming f’Malta bħala reżiljenti, bi statistika li ssib żieda konsiderevoli ta’ 6% sena fuq sena, domanda kontinwa għal settijiet ta’ ħiliet u enfasi akbar fuq il-compliance u l-aspett regolatorju.

“Bħala gvern se nibqgħu kommessi li nintroduċu iżjed inizjattivi li jkomplu jsaħħu dan is-settur tal-video gaming u l-ekosistema għal start-ups esports. Dan huwa rikonoxxut tant li fix-xahrejn li ġejjin Malta se tkun qed tospita żewġ avvenimenti importanti; iGaming Next f’Ottubru u Sigma f’Novembru, li se jilqgħu operaturi ewlenin f’dan is-settur,” qal il-Ministru Schembri.

Fl-intervent tiegħu, Ivan Filletti, COO ta’ Gaming Malta, qal, “L-inawgurazzjoni tal-uffiċċji l-ġodda ta’ GamingMalta tirrappreżenta impenn tanġibbli għas-settur tal-gaming, kemm jekk hu iGaming, video gaming u esports. Dan huwa konformi mal-viżjoni ekonomika tal-gvern biex ikompli jkabbar u joħloq opportunitajiet f’dawn is-setturi ekonomiċi. ‘Home of Gaming Excellence’ issa għandha postha kif ukoll għandha ċentru ġdid għall-ekosistema tal-gaming”.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com