Inġiniera Maltin Ikkrejaw ‘High Dynamic Motor Starter’ Li Kapaċi Itawwal Il-Ħajja Ta’ Diversi Apparat Domestiku

 Inġiniera Maltin Ikkrejaw ‘High Dynamic Motor Starter’ Li Kapaċi Itawwal Il-Ħajja Ta’ Diversi Apparat Domestiku

Tim ta’ inġiniera mill-kumpanija Carlo Gavazzi ingħaqdu ma’ riċerkaturi mill-Fakultà tal-Inġinerija mill-Università ta’ Malta sabiex ikkrejaw HDMS – High Dynamic Motor Starter. L-innovazzjoni ta’ dan il-prodott elettroniku hi li kapaċi jixgħel kumpressuri  u pompi mingħajr l-użu ta’ start capacitor filwaqt li jnaqqas l-impatt fuq il-vultaġġ peress li jwaqqa’ l-kurrent tal-mutur għal-madwar  1.2 darba il-kurrent nominali tal-mutur. Din l-innovazzjoni kienet possibbli permezz ta’ investiment ta’ €200,000  mill-Fond FUSION tal-R & I amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.

Ir-riżultati ta’ HDMS ġew imħabbra waqt avveniment għall-pubbliku li seħħ fiċ-Chaplain’s Hall fil-binja tal-EsploraPlanetarium, il-Kalkara.

Waqt li ndirizza dawk presenti, l-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Onor. Owen Bonnici qal, “Il-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni, u nixtieq inħeġġeġ ukoll entitajiet privati sabiex jikkunsidraw li jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni għaliex dawn huma tabilħaqq il-futur tagħna.”

Iċ-Ċermen Eżekuttiv Dr Jeffrey Pullicino Orlando, fid-diskors tal-ftuħ tiegħu qal li: “L-industrija tal-manifattura f’Malta hija parti integrali tal-ekonomija Maltija u huwa inkoraġġanti li nkomplu naraw riżultati tanġibbli f’dan il-qasam. L-għan aħħari huwa li nsaħħu u nwessgħu l-qasam tal-manifattura ta’ valur għoli billi niksbu reputazzjoni tajba fuq livell internazzjonali. Dan niksbuh billi nservu bħala bażi ta’ produzzjoni, kif ukoll billi noffru opportunitajiet biex innovazzjonijiet ġodda jiġu ttestjati hawn Malta. Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, fil-responsabbiltà fdata lilu, jistinka sabiex irawwem fis-soċjetà kultura ta’ riċerka u innovazzjoni sabiex dan il-qasam ikompli jikkontirbwixxi għal tkabbir ekonomiku f’pajjiżna.”

Il-mexxej tal-proġett HMDS l-Inġ Jason Demicoli qali li “HDMS kien vjaġġ fenomenali ta’ kooperazzjoni bejn l-Industrija u l-Akkademja, li wasslu l-innovazzjoni lejn is-suq! Dan billi fhimna dak li jgħaddu minnu l-klijenti tagħna, dħalna għal proġett ta’ sfida ibbażat fuq il-kompetenza tal-inġiniera, biex jiżviluppaw u jniedu innovazzjoni, protetta b’patent, ta’ Single Phase Soft starter.”

Tipikament muturi single phase u kumpressuri bħalma huma wżati f’heat pumps, pompi tal-ilma u air-conditioners li jintużaw fuq opri tal-baħar, joħolqu diffikultà meta jkunu qed jintxtegħlu. Dan minħabba l-fatt li jkun hemm kurrent qawwi f’salt li jista’ jilħaq sa aktar minn ħames sa seba’ darbiet aktar mill-kurrent nominali tal-mutur b’konsegwanza li jista’ jikkawża effetti negattivi fil-grid tal-elettriku jew f’apparat li jkun sensittiv għal żbilanc fil-vultaġġ. Dan it-tfixkil jista’ jikkawża tnaqqis fil-vultaġġ u teptip tad-dawl kif ukoll jista’ joħloq ħsarat f’ċerta tagħmir elettroniku fl-istess installazzjoni. Fil-każ ta’ generators u panelli fotovoltajiċi jista’ jkun li s-saħħa ma tkunx biżżejjed biex tipprovdi l-kurrent u l-vultaġġ neċessarju u l-generators u l-PVs, jistgħu anke jieqfu jaħdmu temporanjament. Sabiex jitnaqqas dan ir-riskju fis-suq jeżistu prodotti elettronici magħrufa bħala soft starters. Soft starters li jintużaw fuq single phase, ġeneralment ikollhom bżonn ta’ start capacitor biex  jiġġenera s-saħħa meħtieġa biex jinxtegħel it-tagħmir. L-istart capacitors huma komponenti sensittivi ħafna għal żbilanc fil-vultaġġ kif ukoll għat-temperaturi għolja u tipikament huma l-ewwel komponenti li jfallu.

Din l-innovazzjoni tal-HDMS tegħleb dawn l-isfidi ta’ influss ta’ kurrent għoli fil-mument li jinxtegħel apparat induttiv bħal muturi, kif ukoll il-problema tal-ħajja qasira tal-capacitor. Fil-fatt, studji urew li HDMS jista’ jixgħel muturi single phase b’influss ta’ kurrent bejn 60 – 70% inqas minn meta jinxtegħel b’mod dirett. Din l-innovazzjoni għandha ħafna benefiċċji  fosthom li l-apparat jista’ jkollu ħajja itwal, se jkun hemm inqas tfixkil mal-grid tal-elettriku, se tintegra aħjar mal-apparat bħal generators u panelli fotovoltajiċi, se jkun hemm inqas manutenzjoni riżultat ta’ inqas ħsarat u żieda fis-sehem ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li huma inklużi fid-direttiva tal-UE dwar Sorsi u Enerġija Rinnovabbli.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com