Ser Jitwaqqaf Kumitat Tekniku Biex Joħroġ Bi Pjan Ta’ Riġenerazzjoni Għal San Pawl Il-Baħar

 Ser Jitwaqqaf Kumitat Tekniku Biex Joħroġ Bi Pjan Ta’ Riġenerazzjoni Għal San Pawl Il-Baħar

Ser jitwaqqaf kumitat tekniku fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex din tal-aħħar tagħti r-rakkomandazzjonijiet tagħha bħala parti minn pjan fit-tul għar-riġenerazzjoni ta’ San Pawl il-Baħar. Fuq nett tal-aġenda ta’ dan il-kumitat ser ikun li jitħejja pjan sostenibbli dwar kif ser tittejjeb is-sigurtà, titnaqqas il-kriminalità, u l-immaniġjar tat-traffiku fiż-żoni kollha ta’ San Pawl il-Baħar.

Sussegwentament ser ikun hemm temi oħrajn li ser ikunu indirizzati, fosthom kwistjonijiet makroekonomiċi tal-lokalità, studju u pjan tat-trasport li jinkludi dak pubbliku u parkeġġ adekwat, kwistjonijiet soċjali bħal multi-etniċità u l-integrazzjoni soċjali, pjan ħolistiku għall-immaniġġjar tal-iskart, żieda ta’ spazji pubbliċi, titjib fl-edukazzjoni u għarfien dwar l-isports u l-benesseri tas-soċjetà.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u s-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo saħaq kif dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni għal San Pawl il-Baħar qiegħed iġedded il-prospetti ta’ lokalità li tkun waħda li toffri esperjenza ta’ kwalità lit-turisti.

“San Pawl il-Baħar baqa’ assoċjat mal-mudell tradizzjonali turistiku li jaf il-bidu tiegħu mis-snin sebgħin u tmenin, fejn kien ikollok is-suq Ingliż li kien jiġi hawnhekk biex igawdi x-xemx u l-baħar f’din iż-żona. Għalhekk, inħasset il-ħtieġa li nfasslu pjan ħolistiku li jassigura futur sostenibbli fejn ir-resident u t-turisti jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar milli għandu llum,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.

Huwa żied jgħid li dan il-pjan huwa garanzija għall-futur ta’ iżjed proġetti u inizjattivi b’risq dan il-vilaġġ turistiku.

Iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal li dan il-proġett ser ikun fil-fatt imnebbaħ b’viżjoni ħolistika li tpoġġi lill-komunità ta’ din iż-żona, li tinkludi wkoll in-negozji u l-kunsill lokali, fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed.

Intant, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima rringrazzja lill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur li flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu laqgħu s-sejħa tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar biex isir dan il-pjan tant bżonjuż għal aktar lokalità popolata f’pajjiżna.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com