“Is-Soluzzjoni Ta’ Ammont Kbir Ta’ Transfers Ftit Sigħat Qabel Tibda L-Iskola Huwa Frott Ta’ Paniku U Mhux Frott Ta’ Pjan Serju” – Il-PN
“Fil-ġurnata tal-ftuħ tal-iskejjel il-Gvern qed jiġi ffaċċjat b’azzjonijiet industrijali mir-rappreżentanti tal-edukaturi. Huwa ċar li n-nuqqas ta’ pjan bil-quddiem u n-nuqqas ta’ djalogu mal-professjonisti tal-edukazzjoni, il-Ministeru tal-Edukazzjoni wassal għal ansjetá, rabja u konfużjoni fost l-għalliema.”
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Edukazzjoni u l-Isport Clyde Puli u mill-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Clifford Zahra Fenech u Julie Zahra intqal kif il-Ministeru tal-Edukazzjoni qiegħed jipprova jsolvi n-nuqqas ta’ 150 għalliem fil-klassijiet billi joħloq nuqqas ieħor f’servizzi importanti lill-istudenti bħal ma huma għalliema speċjalizzati fil-litteriżmu, sapport lill-studenti neqsin mis-smigħ, sapport lill-istudent fin-nurture class, sapport fl-isptarijiet u speċjalisti fis-suġġetti. “Is-soluzzjoni ta’ ammont kbir ta transfers ftit sigħat qabel tibda l-iskola huwa frott ta’ paniku u mhux frott ta’ pjan serju,” saħqu l-kelliema tal-PN.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet il-PN appella għat-tfittxija ta’ soluzzjoni fl-aħjar interess tat-tfal u tal-professjonisti. Ntqal li “s-soluzzjoni għandha tinstab fid-djalogu u mhux bis-sarima tal-mandati u l-ħabi tal-informazzjoni. Dan ikun fl-aħjar interess ta’ uliedna.”
Il-Kelliema tal-PN komplew isostnu li sfortunatament dak li l-PN wissa dwaru xahar ilu seħħ. “Dakinhar kien intqal li l-Gvern qiegħed tard ħafna fil-preparamenti tiegħu għall-ftuħ tas-sena skolastika. Dakinhar konna appellajna lill-Gvern biex ma jitlifx aktar ħin u jippublika l-protokolli u l-linji gwida ta kif qed jippjana li jaħdmu l-iskejjel f’din il-fażi tal-pandemija. Sfortunatament il-gvern baqa’ għaddej bil-lajma li kien għaddej biha,” temmew jgħidu l-Kelliema tal-PN.