Jinfetaħ Uffiċċju Nazzjonali Għall-Iskrinjar Tal-Investiment Dirett Barrani

 Jinfetaħ Uffiċċju Nazzjonali Għall-Iskrinjar Tal-Investiment Dirett Barrani

L-Uffiċċju Nazzjonali għall-Iskrinjar tal-Investiment Dirett Barrani (NFDIS) ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, iċ-Chairperson tal-NFDIS is-Sur Mario Galea, u d-Direttur Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea Dr Damien Levie.

Dan qed iservi bħala mezz sabiex tiġi assigurata governanza tajba u li l-investiment li ġie attirat lejn pajjiżna li ġej minn barra l-Unjoni Ewropea huwa wieħed sigur.

Il-Ministru Silvio Schembri spjega li l-uffiċċju jivverifika l-investiment ta’ importanza strateġika f’setturi bħall-enerġija, it-trasport, is-saħħa, l-intelliġenza artifiċjali, l-infrastruttura u ċ-ċibersigurtà. Huwa qal li permezz ta’ dan l-uffiċċju, il-qasam tal-għarfien u l-intelliġenza qed jiġi ffaċilitat.

“L-Uffiċċju ta’ Malta huwa inkarigat li jevalwa l-proposti ta’ proġetti minn investimenti li jkunu rreġistrati hawn u li jipprovdi l-osservazzjonijiet tiegħu filwaqt li fl-istess ħin jagħti l-opinjoni tiegħu dwar investimenti li jkunu qed jiġu proposti fil-pajjiżi tal-UE”, qal il-Ministru Schembri.

Aħna ser ngħinuk tistabbilixxi u tirnexxi. Aħna se nagħmlu kontrolli, imma mhux se norbtuk fil-burokrazija”, qal il-Ministru Schembri b’assigurazzjoni lill-investituri. Huwa qal ukoll li f’dawk il-każijiet fejn l-attivitajiet tal-investitur ma jeħtiġux skrinjar jew evalwazzjoni ulterjuri, l-Uffiċċju jista’ jagħti approvazzjoni fi ftit jiem. Dan kien il-każ fi kważi 98% tal-applikazzjonijiet kollha.

Statistika miġbura turi li fl-aħħar sena l-NFDIS:

  • Evalwa aktar minn elf dokument minn investiment li qed isir f’Malta.
  • Minn dawn, 15-il proposta ta’ investiment f’Malta ġew iċċirkolati madwar l-UE għal iżjed skrinjar. Fuq il-proġetti kollha, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju ta’ Malta ġew milqugħa.
  • Inqas minn 10 proposti ta’ investimenti lokali ma ngħatawx il-permess ikomplu fosthom minħabba raġunijiet ta’ diliġenza dovuta.
  • L-Uffiċċju rreveda wkoll aktar minn 300 proposta ta’ investiment li qed iseħħ f’ġurisdizzjonijiet oħra tal-UE, bħal Franza, l-Italja, l-Awstrija u l-Ġermanja.

Is-Sur Mario Galea, Chairperson tal-NFDIS Malta qal li llum il-ġurnata il-kompetittività ta’ pajjiż hija mkejla fuq il-livell ta’ governanza tajba, trasparenza u fuq kemm hu faċli li wieħed jagħmel negozju f’dak il-pajjiż.  Huwa kkonkluda billi rrefera għall-effiċjenza tal-proċess billi nnota li l-leġiżlazzjoni u l-mekkaniżmu tal-iskrinjar jipprovdu skadenzi ċari għar-risposti.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com