Jaqdef Bir-Rota 980 Kilometru Madwar Sqallija F’47 Siegħa U 41 Minuta
Fabio Spiteri ċiklist Malti rnexxielu jaqdef bir-rota 980 kilometru madwar Sqallija f’47 siegħa u 41 minuta. Din l-isfida għamilha biex jiġbor donazzjonijiet għal 21 santwarju tal-annimali.
F’messaġġ li kiteb fuq il-mezzi soċjali rrakkonta d-diffikultajiet li għadda minnhom sakemm lesta b’suċċess din l-isfida.
Fabio jgħid li wara 400 kilometru b’sħana kontinwa ta’ 40 grad beda jiġih dubju jekk jirnexxilux jasal sa l-aħħar, imma kompla. Huwa jirrakkonta kif wara li kien qabeż il-500 kilometru marret għajnejh bih għal madwar 5 sekondi u spiċċa jaħbat ġo barrier, b’kawża li weġġa’. Pero xorta waħda kompla bit-triq tiegħu sabiex ilesti din l-isfida.
Fabio Spiteri jkompli jirrakkonta kif wara 600 kilometru kellu jieqaf jorqod siegħa minħabba li baqax jara ċar kawża tal-għejja.
Huwa kompla, iżda wara li qabeż is-700 kilometru ta’ qdif bir-rota ma kienx fadallu aktar enerġija biex ikompli. Huwa kien determinat li jieqaf għaliex ma felaħx jkompli iżda wara li straħ għal 20 minuta l-membri tat-tim li kienu qed jassistuh tawh il-kuraġġ biex ikompli sakemm irnexxielu jlesti din l-avventura b’ħin tajjeb ħafna.
Fabio s’issa rnexxielu jiġbor €28,000. Il-mira tiegħu hija li jirnexxielu jiġbor €50,000 sabiex ikun jista’ jgħin l-għaqdiet kollha li jaħdmu mal-annimali abbandunati.