“Jekk Il-Kawża Fil-Qorti Tikseb Suċċess, Il-Flus Tal-Ħlas Tal-Lukandi Joħorġu Minn Bwiet Il-Poplu” – Bernard Grech
Il-Kap tal-Opożizzjoni Bernard Grech tkellem dwar il-kwistjoni li residenti Maltin qed ikunu sfurzati jħallsu €1,400 biex jagħmlu kwarantina f’lukanda.
Qal: “… meta dawn ikollhom residenza alternattiva, hija miżura drakonjana u eċċessiva. Infatti, l-ebda pajjiż tal-Unjoni Ewropea ma jagħmel dan.”
Tenna li din il-mossa qed tiġi kkontestata wkoll mill-perspettiva ta’ drittijiet umani.
“Jekk din il-kawża fil-Qorti tikseb suċċess, il-flus għar-rifużjoni ta’ dawn il-ħlasijiet u potenzjalment għad-danni morali, jinħarġu mill-bwiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin”, kompla Grech.
Saħaq ukoll li Chris Fearne se jkun qed ibiddel din il-politika għada, wara l-pressjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, u issa jmiss li nistennew rifużjoni immedjata lil dawk ir-residenti Maltin kollha li kienu sfurzati f’sitwazzjoni bħal din.
“Il-Gvern hemm bżonn jieqaf joħroġ b’regoli li ma jħarsux id-drittijiet tal-bniedem u jesponu liċ-ċittadin Malti”, temm il-Kap tal-Opożizzjoni.