“Jekk Jiġri Xi Ħaġa Lili Jew Lil Wieħed Minn Sħabi, Int Responsabbli Minn Issa” – Jason Azzopardi
Wara li dalgħodu Manuel Delia kkonferma li ħa jkun qed jħalli lil Malta minn ħabba theddid li qed jirċievi, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi kkonferma ukoll li huwa wieħed minn dawk li qed jirċievi l-istess theddid.
F’messaġġ li kiteb ftit tal-ħin ilu fuq il-mezzi soċjali tiegħu Jason Azzopardi qal li hu u 3 oħra qed jiġu mhedda għax qed jiġġieldu “l-Mafia ta’ Kastilja li tiġi titmellah li jerġa’ jkun hawn assassinju jew aktar.” Jason Azzopardi jkompli jgħid li “din hija l-Malta li ħallejtulna fl-2021”
Hu saħaq li r-responsabiltà hija tal-Gvern u l-Prim Ministru. “Int Robert Abela lanqas biss, mank kellek id-deċenza li timplimenta waħda minn dak li qalu t-tliet Imħallfin fl-Inkjesta Pubblika,” saħaq Jason Azzopardi, filwaqt li saqsa lill-Prim Ministru jekk ftit snin ilu kienx irċieva “basket mimli euro mingħand Agius.”
Jason Azzopardi jkompli l-kitba tiegħu billi jgħid li l-Ministru tal-Intern għadu jmur id-dar tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat biex jaraw il-logħob tal-football Taljan.
“Dak huwa l-istess Ministru tal-Intern li jiffirma l-warrants tas-Servizzi tas-Sigurtà biex ikunu interċettati ċertu telefonati jew messaġġi. Lanqas biss tgħaddili mill-antiporta ta’ moħħi li jaġġornah dwar fejn waslu ċertu investigazzjonijiet. Hux veru, Ministru? Ngħid sew hux hekk, li qatt ma tkellimt miegħu fuq ċertu xogħol?” Dan sostnih Azzopardi filwaqt li qal li hu ħa jkompli jitkellem dwar dawn l-affarijiet.
Fl-aħħar tal-messaġġ Jason Azzopardi għamilha ċara lill-Prim Ministru Robert Abela, li “jekk jiġri xi ħaġa lili jew lil wieħed minn sħabi, int responsabbli minn issa.”
Ritratt: Times Of Malta