Jiġi Mniedi L-Ktieb ‘Colours Of The North’ – Il-President Jappella Għall-Preservazzjoni Tal-Patrimonju Naturali U Storiku

 Jiġi Mniedi L-Ktieb ‘Colours Of The North’ – Il-President Jappella Għall-Preservazzjoni Tal-Patrimonju Naturali U Storiku

Filwaqt li wissa li jkun ta’ għajb għalina jekk ma nippreservawx il-patrimonju naturali u storiku tagħna, il-President ta’ Malta George Vella qal li ulied uliedna għandhom dritt igawdu Malta li tkompli tiġġedded mingħajr ma titlef ruħha fit-triq. Huwa kien qed jindirizza serata kulturali fl-Imdina li matulha r-Reġjun Tramuntana, wieħed mill-ħames reġjuni ta’ Malta li jiġbor fih 12-il kunsill lokali, introduċa lill-pubbliku ktieb bl-isem ‘Colours of the North’.

Inizjattivi bħal dawn huma utli għall-pajjiż kollu u jkomplu jkattru l-patrimonju kulturali nazzjonali, qal il-President. Żied li jieħu pjaċir josserva li dawn il-kunsilli, minkejja d-differenzi politiċi u l-prijoritajiet varji li għandhom fl-irħula u l-ibliet tagħhom, ingħaqdu flimkien u ħadmu bis-sħiħ mal-awtur biex tinħareġ pubblikazzjoni tal-ogħla livell li hija bżonnjuża ferm biex wieħed iniżżel bil-miktub għall-posterità l-affarijiet sbieħ li hemm fir-reġjun. Irrimarka li meta jara din it-tip ta’ għaqda u koperazzjoni jifhem fejn nistgħu naslu bir-rieda tajba u bil-ftehim li jista’ jkun hemm bejnietna. Minkejja d-differenzi ta’ bejnietna, nistgħu nirrispettaw lil xulxin u nikkoperaw flimkien fl-interess komuni.

Il-President iżża ħajr lil dawk kollha li, b’xi mod jew ieħor, kellhom sehem biex sar il-ktieb: lill-awtur, Natalino Fenech, għal din il-ġabra ta’ riċerka ħajja, narrata, u viżiva; lill-President tar-Reġjun Tramuntana, u lis-sindki u l-kunsilliera kollha tar-Reġjun; u lir-residenti kollha ta’ dan ir-reġjun, li żgur li huma kburin bis-sbuħija unika tar-raħal rispettiv tagħhom u b’din il-pubblikazzjoni.

Il-President fakkar li Malta dejjem kienet miftuħa għal numru kbir ta’ kulturi, reliġjonijiet, u fehmiet differenti. Illum ukoll qed inkomplu niġġeddu permezz ta’ numru ġmielu ta’ barranin li għamlu minn Malta d-dar tagħhom wkoll. F’dan il-kuntest, esprima apprezzament għall-fatt li din il-pubblikazzjoni nkitbet bl-Ingliż sabiex tkun tista’ tilħaq udjenza usa’ u tħajjar aktar nies, Maltin u barranin, biex japprezzaw il-mużajk storiku u kulturali li joffri r-Reġjun tat-Tramuntana.

Is-serata ġiet indirizzata wkoll mill-awtur – b’messaġġ irrekordjat; mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera – b’messaġġ irrekordjat; mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Gvern Lokali Karl Gouder; mill-President tar-Reġjun Tramuntana Anton Mifsud; u mill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava. Fi tmiem l-attività, ġew ippreżentati kopji tal-ktieb lill-President ta’ Malta kif ukoll lis-sindki preżenti. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mingħand il-librara u d-dħul kollu minnu se jingħata lill-Fondazzjoni Community Chest Fund.

Il-kunsilli lokali li jagħmlu parti mir-Reġjun Tramuntana huma l-Imdina, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, ir-Rabat, l-Imtarfa, Ħad-Dingli, il-Mosta, in-Naxxar, Ħal Għargħur, is-Swieqi u Pembroke.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com