Kunsill Konsultattiv Favur Id-Drittijiet Tan-Nisa – Tkellimna ċ-Chairperson Claudette Abela Baldacchino
L-ex Membru Parlamentari Ewropew Claudette Abela Baldacchino ġiet appuntata bit-tmexxija tal-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa. Il-ħatra tagħha flimkien ma’ numru ta’ għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam tal-ugwaljanza ssir mill-Ministru responsabbli fil-qasam tal-Ugwaljanza. L-għan tal-Kunsill Konsultattiv huwa li jikkonsulta u jagħti pariri lill-gvern fuq kwistjonijiet relatati mal-Ugwaljanza.
Fil-ħidma tiegħu, il-Kunsill jara li jippreżenta proposti u rakkomandazzjonijiet, fosthom anke leġiżlattivi u ta’ policy, jmexxi ‘l quddiem studji, jikkonsulta ma’ entitajiet u stakeholders fosthom attivisti, professjonisti u anke dawk ġejjin mill-qasam legali. Jara li jippromwovi u jikkomunika l-ħidma tiegħu lill-mezzi tax-xandir u l-pubbliku inġenerali u anke jara li jippreżenta lill-gvern il-ħidma li jkun wettaq.
F’ kumment lil StradaRjali, ic-chairperson Claudette Abela Baldacchino qalet li n-nomini kienu saru lura f’April li għadda minn dak iż-żmien is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar wara li kien spiċċa t-terminu tal-Kunsill preċedenti li kien twaqqaf minn dak iż-żmien il-Ministru Helena Dalli llum Kummissarju Ewropew.
“Il-Kunsill Konsultattiv beda għaddej b’ħidma intensiva biex jaġġorna lilu nnifsu u anke jara li jaħdem fuq oqsma relatati ma’ ugwaljanza. Il-Kunsill kellu diversi rappreżentazzjoni diġà ma’ numru ta’ entitajiet pubbliċi. Bħalissa qed ifassal ħidma f’oqsma diversi biex iressaq il-quddiem numru ta’ proposti lill-gvern.”
Abela Baldacchino sostniet ma’ StradaRjali li l-ugwaljanza għandha valur assolut u mhux valur relattiv. Qalet li bħala Chairperson hija temmen li bħala poplu dejjem rajna li pajjiżna jkun ugwali ma’ ġnus oħra, irridu naħdmu biex naraw li ma jkollniex diżugwaljanzi bejnietna bħala poplu. Qalet li fuq bażi personali hija temmen li għandu jkun hemm diskussjoni wiesgħa, sana u b’mod miftuħ fuq id-drittijiet riproduttivi u sesswali. Dan għandu jsir bla biża’ u mingħajr tgħajjir u jew mibegħda.
Qalet li temmen ukoll li l-Kunsill Malti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali l-MCESD għandu fost l-oħrajn jara li jħares lejn nies fis-soċjetà tagħna li mhumiex rappreżentati fid-djalogu soċjali u d-diskussjoni dwar l-ugwaljanza u żiedet li bħala Kunsill Konsultattiv iħares ‘l quddiem biex jiddisuti mal-MCESD din il-proposta.
Saħqet ukoll li hemm anomaliji fil-liġijiet tagħna li tixtieq tarahom jissewwew bħal fost l-orhajn anomaliji li jeżistu fil-liġi tas-suċċessjoni fejn mara u raġel li jkunu f’koabitazzjoni u l-mara jew ir raġel iħallu wirt tar-residenza lil xulxin għal finijiet tat-taxxa kawża mortis ma jħallsux taxxa fuq id-dar residenzjali. Normalment mara u raġel jew it- tfal ma jħallsux taxxa fuq ir-residenza ta’ min imut. Però jekk ikunu aħwa li għexu flimkien dejjem u jħallu d dar lil xulxin dawn iridu jħallsu taxxa tas-suċċessjoni fuq dik id-dar residenzjali.
“Jekk irridu nħarsu lejn ugwaljanza fis-sens wiesgħa tagħha, din l-anomalija l-gvern għandu jara li tiġi indirizzata. Hemm imbagħad l-issue tas-separazzjoni u divorzju fejn bażikament ħabba li ħafna nisa jagħmlu snin barra mix- xogħol jieħdu ħsieb il-familja, tfal, jew qraba morda u żwieġhom jibqgħu dejjem jaħdmu meta jisseparaw l-irġiel ikollhom pensjoni sħiħa u n-nisa jew ma jkollhomx pensjoni jew tkun baxxa. Il-gvern għandu jara li din l-anomalija tiġi indirizzata immedjatament”, tenniet Abela Baldacchino.
“Huwa permezz ta’ ħidma fuq affarijiet bħal dawn, kif ukoll fuq strategiji bħal tal-ugwaljanza u anke bħal direttivi Ewropej bħal ‘working time directiv’e li nistgħu nimxu ‘l quddiem b’ugwaljanza b’valur assulut”, temmet tgħid iċ-Chaiperson.