L-Aħħar Tħejjijiet Fuq Il-Padiljun Ta’ Malta F’Dubai Expo 2020

 L-Aħħar Tħejjijiet Fuq Il-Padiljun Ta’ Malta F’Dubai Expo 2020

Il-padiljun ta’ Malta f’Dubai wasal biex jitlesta, hekk kif id-Dubai Expo 2020 qed tipprepara biex tiftaħ il-bibien tagħha għal dinjitarji, imprendituri u turisti mid-dinja kollha għal sitt xhur sħaħ.

L-Expo ta’ Dubai, li ġiet posposta mis-sena l-oħra minħabba l-pandemija COVID-19, tibda fl-1 ta’ Ottubru bil-għan li, ‘Tgħaqqad l-Imħuħ u Toħloq il-Futur’ (Connecting Minds, Creating the Future) permezz tat-temi tas-sostenibbiltà, mobbiltà u opportunità. Il-villaġġ tal-Expo se jkun maqsum fi tliet distretti li jippromwovu kull tema bil-parteċipazzjoni ta’ 192 pajjiż.

It-tema ta’ Malta hija ffukata fuq il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda – ‘Connecting Cultures, Generating Opportunities’ – bil-għan li turi dak kollu li l-pajjiż għandu x’joffri, inkluż mill-aspett ekonomiku, l-industrija u l-opportunitajiet ta’ negozju, id-diversità kulturali u storika u t-turiżmu.

“Din hija opportunità biex nuru lid-dinja dak li pajjiżna għandu x’joffri. Irridu nużaw dan l-ispazju biex nattiraw opportunitajiet ġodda għal pajjiżna. Din l-expo qed toffri lil Malta opportunità biex turi l-identità u l-ideat tagħna.” qalet il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli waqt żjara fil-padiljun ta ‘Malta.

Il-padiljun ta’ Malta jinsab fid-Distrett tal-Opportunità, viċin il-padiljun tal-UAE. Imqassam fuq żewġ sulari, il-padiljun se jilqa’ lill-viżitaturi b’erba’ temi prinċipali: it-turiżmu, l-investiment u kummerċ, l-innovazzjoni u kreattività u stil ta’ ħajja. It-tieni sular jinkludi kamra għall-konferenzi, kamra għal-laqgħat, boardroom u breakout zones.

Akkumpanjata mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-UAE Maria Camilleri Calleja, il-Kummissarju Ġenerali ta’ Malta għall-Expo 2020 Dubai Anthony Tabone u d-Deputat Kummissarju Ġenerali ta’ Malta għall-Expo 2020 Dubai Antoinette Catania, il-Ministru Miriam Dalli ltaqgħet mas-Sur Omar Shehadeh, Uffiċjal Kap tal-Operazzjoni tal-Parteċipanti Internazzjonali, is-Sur Andre Dourado, Direttur Parteċipanti Internazzjonali u John Addo-Obiri, Senior Country Manager.

Waqt li kienet f’Dubai, il-ministru ltaqgħet mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Dubai għall-Elettriku u l-Ilma (DEWA), is-Sur Saeed Mohamed Ahma Al Tayer. Huma ddiskutew it-triq għad-dekarbonizzazzjoni u l-modi differenti kif iż-żewġ pajjiżi jistgħu jikkoperaw flimkien. Il-Ministru Dalli tenniet il-pożizzjoni ta’ Malta li tilħaq id-dekarbonizzazzjoni sal-2050. Tkellmu dwar l-aħħar teknoloġiji li qed jiġu introdotti u kif iż-żewġ pajjiżi jistgħu jaqsmu l-għarfien dwar teknoloġiji differenti.​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com