Investiment Ta’ €3 Miljuni F’Impjant Industrijali Ġdid F’Ħal Far

 Investiment Ta’ €3 Miljuni F’Impjant Industrijali Ġdid F’Ħal Far

Il-kumpanija General Maintenance Ltd qed tinvesti f’impjant ġdid fejn jiġu manifatturati strutturi tal-ħadid. Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €3 miljuni.

Fi żjara li għamel il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt li segwa x-xogħol li għaddej fuq dan il-proġett ġewwa Ħal Far qal li dan il-proġett kien possibbli wara li ġiet allokata medda t’art ta’ madwar 3,500 metru kwadru li INDIS Malta tat lill-kumpanija General Maintenance Ltd.

Iż-żieda fid-domanda tax-xogħol li l-kumpanija ser tkun tista’ tidħol għaliha ser twassal għall-ħolqien ta’ madwar 20 impjieg ġdid, fosthom inġiniera, designers, CNC programmers, welders u fabricators. Dan sabiex illum il-ġurnata n-numru ta’ ħaddiema mal-kumpanija iwassal għal 50 persuna, filwaqt li ssaħħaħ ukoll in-numru ta’ service providers li jużaw min-naħa tagħhom, fatt li wkoll jista’ jiġġenera iżjed xogħol.

Il-Ministru Schembri semma’ kif dan il-proġett huwa parti mill-ħidma ta’ gvern li jrid jiżgura l-aqwa użu tal-art disponibbli għas-settur industrijali sabiex ikunu jista’ jiġi akkomodat aktar investiment. Dan filwaqt li INDIS Malta għaddejja b’ħidma fit-titjib tal-infrastruttura taż-żoni industrijali f’Malta, fosthom f’Ħal Far.

L-investiment ta’ tliet miljun ewro jkopri l-infrastruttura strutturali tal-hangar, makkinarju u apparat li jaħdem bl-awtomazzjoni, sabiex huma jtejbu l-effiċjenza u jgħollu l-kwalità tax-xogħol tagħhom mal-klijenti kollha tagħhom, kemm lokali kif ukoll dawk internazzjonali. Bil-kapaċitajiet ġodda tagħhom huma ser iservu ta’ service providers importanti biex pajjiżna jkompli jimmodernizza infrastrutturalment.

Id-direttur tal-kumpanija Matthew Camilleri tkellem kif b’din l-assistenza minn INDIS Malta, General Maintenance ser tkun tista’ tidħol għal iżjed xogħol u proġetti kemm lokali kif ukoll internazzjonali għaliex ser ikollha l-art u l-għodda possibbli biex tkompli tibni fuq dak li diġà ħolqot, fosthom proġetti li ġew imħabbra dan l-aħħar. Dawn il-proġetti jinkludu xogħol ta’ struttura tal-ħadid, twila 110m li ġiet użata fil-proġett tal-pont pedonali fi Blata l-Bajda, ix-xogħol ta’ high security fencing madwar il-Bomb Disposal Unit tal-Armata li tinsab fil-Forti tal-Mosta, il-pipelines tal-ħażna tal-fuel il-ġdida tal-Enemed f’Ħas Saptan, u xogħol fuq pipelines għal super yacht fi Spanja.​​​​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com