L-Effetti Tal-Pandemija Fuq L-Operat Parlamentari
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia flimkien mad-Deputati Parlamentari Karl Gouder u Clyde Puli pparteċipaw fil-ftuħ tal-50 Konferenza tal-British Isles and Mediterranean Region (BIMR) tal-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth (CPA). Din is-sena l-Konferenza qed tinżamm f’Belfast, l-Irlanda ta’ Fuq, fil-21 u t-22 ta’ Settembru 2021 wara li s-sena l-oħra nżammet f’Malta l-ewwel darba b’mod virtwali minħabba r-restrizzjonijiet fis-seħħ kontra l-firxa tal-COVID-19.
Il-Konferenza nfetħet mill-Ispeaker tal-Assemblea tal-Irlanda ta’ fuq Alex Maskey u miċ-Chairperson tal-Fergħa tas-CPA tal-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq William Humphrey li beda d-diskors tiegħu billi awgura lid-delegazzjoni Maltija f’Jum l-Indipendenza ta’ Malta. Minnufih wara l-parteċipanti bdew jittrattaw it-tema magħżula għal din is-sena: Post-Pandemic Parliament. Waqt din is-sessjoni l-Ispeaker Farrugia għamel intervent fejn spjega kif filwaqt li ttieħdu diversi miżuri ta’ saħħa fil-bini, il-Parlament Malti baqa’ jiltaqa’ b’mod normali fil-plenarju u b’mod hybrid fil-Kumitati fejn dawk id-Deputati li ma setgħux jattendu għal raġuni valida, kif ukoll ix-xhieda u l-esperti li ġew imsejħa mill-Kumitati setgħu jipparteċipaw b’mod virtwali.
Il-parteċipanti wara nqassmu fi tliet workshops li trattaw dawn it-temi:
– Il-liġijiet ta’ emerġenza li kellhom jiġu mgħoddija u l-iskrutinju parlamentari tal-miżuri introdotti b’din l-istess leġiżlazzjoni;
– Kif id-diversi parlamenti adattaw il-proċeduri tagħhom biex deputati jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-seduti mingħajr ma neċessarjament ikunu preżenti fiżikament, u jekk dawn l-arranġamenti għandhomx jibqgħu fis-seħħ; u
– Kif il-miżuri affettwaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku kif ukoll tax-xhieda fil-laqgħat parlamentari.
Id-Deputat Parlamentari Karl Gouder ħa sehem fl-ewwel workshop li tratta legiżlazzjoni ta’ emerġenza li ġiet mgħoddija sabiex pajjiz jiġġieled il-pandemija. Numru mill-parteċipanti qablu li din il-legiżlazzjoni kienet fundamentali għal din il-ġlieda tant li min ma kellux dawn il-miżuri leġiżlattivi, ra kif għamel biex daħħalhom fis-seħħ b’mod immedjat. F’dan ir-rigward numru ta’ delegati qalu li fejn kien hemm dewmien biex għaddew dawn il-liġijiet, seta’ jiġi nnutat ukoll dewmien fir-ritmu li bih pajjiż beda jilqa’ għall-isfidi li ġabet fuqna l-imxija tal-Covid-19. Il-parteċipanti tkellmu wkoll dwar l-importanza tal-bilanċ bejn li l-miżuri jittieħdu malajr kemm jista’ jkun u li l-Parlament ma tonqoslux is-saħħa li jibqa’ għaddej bil-funzjoni ta’ skrutinju tieghu kemm f’dik li hija leġiżlazzjoni normali kif ukoll dwar id-dispożizzjonijiet li ddaħħlu permezz tal-istess leġiżlazzjoni ta’ emerġenza. Id-delegati li ħadu sehem f’dan il-workshop kollha qablu li huwa importanti wkoll li kull Parlament jitgħallem minn din l-esperjenza billi jieħu nota ta x’sar tajjeb u inqas tajjeb u dan sabiex ikun f’pożizzjoni aħjar biex jilqa’ għal kull kriżi li l-pajjiż ikollu jaffaċċa fis-snin li ġejjin.
Id-Deputat Parlamentari Clyde Puli ħa sehem fit-tieni workshop fejn tkellem dwar l-użu tat-teknoloġija virtwali mill-assembleji nazzjonali wara l-pandemija. Id-Deputat Puli qal li l-Parlament għandu jagħmel minn kollox biex jibqa’ jiltaqa’ b’mod fiżiku u jkun viċin in-nies li jservi. Huwa qal li t-teknologija għandha tintuża biss biex tikkomplimenta u tiffaċilita l-proċess demokratiku u biex iżżid il-kwalità ta’ dan il-process.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia ħa sehem fit-tielet workshop li tratta l-effett li kellha l-pandemija fuq il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-ħidma parlamentari. Saret preżentazzjoni min-naħa tal-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq dwar kif intużat it-teknoloġija biex jingħata aċċess lill-pubbliku biex jipparteċipa f’numru ta’ laqgħat. Dawn kienu jinkludu persuni bi bżonnijiet speċjali, nisa ta’ dar, nisa tqal u refuġjati li mingħajr dawn il-mezzi tal-informatika ma kien se jkollhom l-ebda mezz kif iwasslu leħinhom f’dawn il-fora. Ġie spjegat ukoll kif f’ċertu stanzi ġew ukoll mibdula l-ħinijiet tal-laqgħat biex tiġi faċilitata din il-pateċipazzjoni tal-pubbliku. Filwaqt li d-delegati approvaw dawn il-miżuri, għamlu emfasi fuq l-importanza li tingħata attenzjoni sabiex ma jkunx hemm sezzjoni tal-pubbliku jew lobby groups li jużaw dawn il-mezzi biex jieħdu vantaġġ fuq sezzjoni oħra tas-soċjeta’. L-Ispeaker Farrugia esprima qbil ma’ din il-pożizzjoni u saħaq dwar l-importanza li jkun hemm level playing field f’dawn il-faċilitajiet sabiex ma jkunx hemm xi settur li jimbotta l-aġenda tiegħu a skapitu tal-pubbliku inġenerali.