l-Għaqdiet Volontarji F’Għawdex Se Jkollhom Ċentru B’Aċċess Għas-Servizzi Offruti Mill-Kunsill Għas-Settur Tal-Volontarjat

 l-Għaqdiet Volontarji F’Għawdex Se Jkollhom Ċentru B’Aċċess Għas-Servizzi Offruti Mill-Kunsill Għas-Settur Tal-Volontarjat

Il-Ministeru għal Għawdex, is-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji, u l-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat se jkunu qed jikkollaboraw sabiex iċ-Ċentru tal-Volontarjat f’Għawdex ikun immexxi mill-istess kunsill u b’hekk l-għaqdiet volontarji Għawdxin se jkollhom aċċess aħjar għas-servizzi offruti minnu.

Il-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat se jkun qed iħarreġ l-istaff preżenti sabiex dan iċ-ċentru jkun jista’ jagħti l-appoġġ lill-għaqdiet volontarji Għawdxin bl-aħjar mod possibli.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Okkażjonijiet bħal dawn juru biċ-ċar li bħala Ministeru għal Għawdex aħna ninkoraġġixxu u nilqgħu diversi kollaborazzjonijiet ma’ diversi Ministeri oħra. L-għan taċ-Ċentru tal-Volontarjat huwa li jservi sabiex irawwem u jiżviluppa l-volontarjat fil-komunità, kif ukoll jappoġġja organizzazzjonijiet volontarji żgħar u medji fl-operat tagħhom”. Huwa laqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma li saret bejn iż-żewġ ministeri.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li rridu nkomplu nsostnu l-ħidma tal-volontarjat – ħidma li hija msejsa fuq ix-xogħol li jsir mill-voluntiera f’diversi oqsma u setturi tas-soċjetà Maltija u Għawdxija.

Huwa kompla jgħid li dan il-ftehim bejn il-Kunsill u l-Ministeru se jassigura servizz dejjiemi u stabbli għall-għaqdiet volontarji Għawdxin sabiex ikomplu jagħmlu l-ġid fil-komunità.Fost is-servizzi li joffri dan iċ-ċentru, hemm żewġ uffiċini li jistgħu jintużaw mill-għaqdiet volontarji sabiex jagħmlu l-laqgħat tagħhom fihom kif ukoll sala għat-taħriġ b’apparat elettroniku sabiex isiru l-preżentazzjonijiet.

Ritratti: MGOZ/MISW_PS

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com