Malta L-Ewwel Stat Membru Tal-UE B’Titjiriet Lejn Il-Libja
Wara li ftit tal-jiem ilu l-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela u l-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibeh iltaqgħu f’Malta u ġie ffirmat ftehim sabiex jerġgħu jibdew it-titjiriet bejn Malta u l-Libja, aktar kmieni matul il-jum tat-Tnejn, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri żar il-Libja f’dik li kienet l-ewwel titjira bejn iż-żewġ pajjiżi. Din it-titjira bdiet twitti t-triq biex jibdew titjiriet bejn Malta u Libja kif ukoll it-tisħiħ ta’ rabtiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Waqt konferenza li ġiet indirizzata fl-ajruport mal-wasla ta’ din it-titjira li telqet għall-ħabta tal-11 ta’ filgħodu minn Malta, il-Ministru Silvio Schembri sostna fuq l-impenn li hemm bejn iż-żewġ partijiet sabiex jikkollaboraw iżjed għall-benefiċċju taż-żewġ naħat.
‘Hemm potenzjal enormi għal-Libja. Dan il-pajjiż jistħoqqlu li jkun immexxi kif xieraq mill-poplu Libjan u l-Prim Ministru Roberta Abela u l-Gvern Malti dejjem kienu ta’ pjattaforma importanti sabiex Malta tkun vuċi għall-ħsibijiet u x-xewqat tal-Libjani f’fori internazzjonali u Ewropej. L-avveniment tal-lum, b’din it-titjira, huwa importanti f’din id-direzzjoni; madanakollu hemm ħafna xogħol xi jsir. Aħna nqisu l-poplu Libjan mhux biss bħala ġirien tagħna iżda wkoll bħala ħutna. Nemmen li nistgħu nkunu ta’ għajnuna sabiex Libja terġa’ tibda tiffjorixxi’, qal il-Ministru Schembri.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Libjan għat-Trasport Mohammed Salem Al Shahoubi rrimarka kif il-ħsieb hu li permezz ta’ ftehim terġa’ tibda titjira fil-ġimgħa bejn iż-żewġ pajjiżi. ‘Nittamaw għal futur ta’ suċċess għal din il-linja tal-ajru vitali, li se tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u għas-servizz tal-poplu Libjan’, qal il-Ministru Libjan.
Fil-Libja, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri ltaqa’ wkoll mal-Ministru Libjan għall-Ekonomija Mohammed Haweg fejn iż-żewġ naħat iddiskutew setturi varji fejn iż-żewġ pajjiżi jistgħu jikkollaboraw kif ukoll opportunitajiet kummerċjali għal negozji f’Malta u fil-Libja.
Din it-titjira poġġiet lil Malta bħala l-ewwel stat membru tal-Unjoni Ewropea li qed terġa’ ttir lejn dan il-pajjiż. Jakkumpanja lill-Ministru kien hemm ukoll l-Ambaxxatur Malti għal-Libja Charles Saliba.