Malta Lesta Li Toffri L-Appoġġ Kollu Tagħha Biex Tassigura L-Istabbilità Tas-Sigurtà Fil-Libja
Matul il-ġurnata tal-bieraħ u llum il-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibeh jinsab fuq żjara uffiċjali f’Malta flimkien ma’ bosta Ministri mill-Gvern Libjan tal-Għaqda Nazzjonali.
Matul il-laqgħat li qed isiru miż-żewġ Gvernijiet, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Libja, l-immigrazzjoni, is-saħħa u l-ekonomija.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab sodisfatt li Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li l-Prim Ministru Libjan żar, filwaqt li qal li Malta għanda rabtiet speċjali mal-Libja.
Waqt dawn il-laqgħat intlaħaq ftehim biex jerġgħu jibdew titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll fakkar li Malta fetħet ambaxxata fi Tripoli fejn qed jerġgħu jiġu proċessati applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi.
Il-Prim Ministru Malti tenna l-appoġġ tal-Gvern Malti f’Dbeibah u l-Gvern li qed imexxi. “B’dan il-mod biss nistgħu nassiguraw l-istabbilità tas-sigurtà fil-Libja. Malta lesta li toffri l-appoġġ kollu tagħha,” insista Abela.
Minn naħa tiegħu Dbeibah qal li hemm qbil ukoll biex ikun hemm aktar investiment komuni bejn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll semma kif iż-żewġ pajjiżi ħa jkunu qed jaħdmu flimkien biex jiġu solvuti diversi kwistjonijiet mal-komunità Libjana f’Malta kif ukoll il-problema tal-immigrazzjoni llegali.
Iż-żjara kompliet dalgħodu ukoll fejn id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mal-Ministru għas-Saħħa tal-Għaqda Nazzjonali tal-Libja żaru diversi entitajiet tas-saħħa.
Iż-żewġ ministri għas-saħħa żaru s-Sir Anthony Mamo Oncology Center, l-Isptar Mater Dei, is-sit fejn qed jinbena l-Vincent Moran Regional Hub ġewwa Raħal Ġdid, kif ukoll il-klinika fil-komunità tal-Fgura. Dan bil-għan li jkun spjegat kif taħdem is-sistema tas-saħħa Maltija f’kull livell ta’ kura.
Iż-żewġ ministri saħqu li jinsabu ottimisti għall-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam tas-saħħa.
Ritratti: DOI