Mniedi L-Istaġun Artistiku Ġdid Ta’ Spazju Kreattiv B’Aktar Minn 550 Avveniment

 Mniedi L-Istaġun Artistiku Ġdid Ta’ Spazju Kreattiv B’Aktar Minn 550 Avveniment

Spazju Kreattiv nieda l-istaġun il-ġdid tiegħu għall-2021 | 2022, fejn qed ikompli jikkonsolida l-irwol tiegħu bħala katalista għall-forom kollha ta’ espressjoni f’Malta u Għawdex. B’konformità mal-viżjoni ‘Il-Qalba tal-Kreattività’, dan il-programm ibridu se jkompli joffri lill-udjenzi lokali u internazzjonali bi staġun dejjem aktar divers mibni fuq strateġija li hija bbażata fuq it-tliet pilastri tal-eċċellenza artistika, ħidma mal-komunità u l-internazzjonalizzazzjoni. Din is-sena, l-istaġun huwa magħmul minn aktar minn 550 avveniment, 350 kollaboratur, 17-il forma kreattiva b’konsolidazzjoni ta’ sforzi li ġew stabbiliti kif ukoll impriżi ġodda.

Id-diversità tal-proġetti se tirrifletti bosta aspetti soċjo-politiċi kemm lokalment kif ukoll globalment, li jipprovdu opportunitajiet professjonali varji għal artisti professjonali u dawk emerġenti, u b’hekk jagħmlu lil Spazju Kreattiv inkubatur għal laqgħat u skambji kreattivi. B’għażla ta’ kitba ġdida għat-teatru fit-tond, dan l-istaġun jinkludi wkoll serje ta’ wirjiet tal-arti, programm taċ-ċinema arthouse rikk u serje ġdida ta’ kunċerti tal-mużika, dan il-programm huwa għal kulħadd.

Wara sena mwaqfin, ir-residenzi tal-artisti se jagħmlu r-ritorn tagħhom. Dawn l-artisti se jipprovdu perspettivi ġodda minn lenti internazzjonali fuq Malta u Għawdex, filwaqt li jippromwovu wkoll l-immersjoni soċjali mal-komunitajiet lokali. Dan l-impenn dirett se jkun rifless ukoll permezz ta’ programmi speċjalizzati oħra inklużi avvenimenti għal anzjani għal aktar inklużjoni soċjali, firxa diversa ta’ avvenimenti biex il-familji u t-tfal igawdu flimkien taħt l-umbrella ta’ ŻiguŻajg, u enfasi fuq inizjattivi li se jolqtu demografiċi iżgħar – l-adolexxenti u l-adulti żgħar.

Wara s-suċċess tas-sena l-oħra, l-esperjenza diġitali ta’ Spazju Kreattiv se terġa’ lura b’serje ta’ avvenimenti kkurati u maħsuba biex itejbu l-aċċessibilità għal-programm. Permezz ta’ vidjows u sessjonijiet ta’ diskussjoni onlajn, podcasts, tours virtwali u galleriji fuq il-websajt, il-programm ippreżentat għandu l-għan li jtejjeb l-għarfien artistiku u jinkoraġġixxi aktar involviment mill-pubbliku. F’dan il-qafas, il-websajt ser tibqa’ sservi wkoll bħala pjattaforma biex tkompli tippromwovi l-wirt tal-entità, b’arkivju diġitali mibni b’informazzjoni fuq proġetti mil-passat u dawk li għadhom ġejjin.

Waqt l-intervent tiegħu, l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Arti u Gvern Lokali, l-Onorevoli José Herrera, qal li l-pandemija għenet lin-nies jirrealizzaw l-importanza tal-arti u l-kultura. Il-preżenza diġitali ta’ Spazju Kreattiv matul il-pandemija kienet reazzjoni għal-limitazzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar irriżultaw f’tifqigħ ta’ ideat mill-kommunità kreattiva. Herrera żied jgħid, “Naqbel li huwa żmien ta’ sfida kbira għal dawk li qed jippruvaw isibu modi kif ipoġġu t-talent u l-kapaċitajiet tagħhom fuq palk jew f’galerija tal-arti, biex joħolqu konnessjonijiet u esperjenzi li jistgħu jinqasmu mal-udjenzi. Huwa wkoll żmien promettenti għall-artisti u l-kreattivi. Issa wasal iż-żmien li jagħmlu dak li jagħmlu l-aħjar billi jesponu x-xogħol tagħhom u jkunu kreattivi, innovattivi u espressivi biex joħolqu djalogi ma’ nies varji.”

Iċ-ċermen ta’ Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai stqarr li waqt il-pandemija Spazju Kreattiv baqa’ għaddej anke meta kull probabbiltà kienet kontrih. “L-użu tal-aħħar teknoloġiji għad-dispożizzjoni tagħna ppermettilna nkomplu ninvolvu ruħna ma’ diversi komunitajiet permezz ta’ forom ta’ arti differenti,” spjega Cefai.

Hekk kif iċ-ċentru jimxi għal-fażi l-ġdida tiegħu, l-għan tagħna jibqa’ li naġixxu bħala katalist fl-iżvilupp ta’ prattiċi kreattivi ġodda, biex nippromwovu opportunitajiet u ngħinu fl-iżvilupp ta’ artisti futuri fil-fora kreattiva f’Malta. “Sena oħra ta’ sfidi issa warajna, u huwa bi pjaċir kbir li llum nistgħu nippreżentaw il-programm artistiku ġdid ta’ Spazju Kreattiv għall-2021 | 2022 li għandu ħafna artisti b’talent kbir f’forom kreattivi differenti”, sostna Cefai.

Fit-tieni sena tiegħu bħala Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv, Daniel Azzopardi żied jgħid  li dan il-programm jirrifletti approċċ aktar kuraġġuż u progressiv billi jkun sors ta’ ispirazzjoni u empowerment kreattiv. Azzopardi qal “Aħna impenjati biex inkomplu nappoġġjaw il-komunità kreattiva, filwaqt li nħeġġu lill-pubbliku ġenerali biex jipparteċipa b’mod attiv f’din l-esperjenza artistika. B’din il-viżjoni f’moħħna, aħna nfittxu li nibnu fuq il-qafas strateġiku diġa stabbilit tagħna biex nippreżentaw programm eklektiku li jippromwovi l-eċċellenza artistika, ħidma mal-komunità u l-internazzjonalizzazzjoni. ”

Azzopardi jżid li bil-pandemija tippersisti, Spazju Kreattiv se jfittex li jkompli jkun sors ta’ tama għas-settur kreattiv lokali, u jibqa’ parti ewlenija fil-promozzjoni tar-rwol kruċjali tal-arti u l-kultura għall-benesseri tas-soċjetà Maltija u dik internazzjonali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com