Qabel Il-Bidu Tal-Iskejjel Transport Malta Tkabbar Il-Flotta Tal-Muturi Tagħha U Terġa’ Tniedi S-Servizz Ta’ Towing B’Xejn

 Qabel Il-Bidu Tal-Iskejjel Transport Malta Tkabbar Il-Flotta Tal-Muturi Tagħha U Terġa’ Tniedi S-Servizz Ta’ Towing B’Xejn

Hekk kif ftit tal-jiem oħra t-tfal jerġgħu jmorru lura lejn l-iskejjel ta’ pajjiżna, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li Transport Malta qed tinvesti  madwar €110,000 fid-Direttorat tal-Infurzar permezz ta’ erba’ muturi ġodda u anke dawl ġdid apposta għal aktar sigurtà waqt li l-uffiċjali jkunu qed jaqdu dmirijiethom matul il-lejl.

Il-Ministru Borg qal li għall-ewwel darba se jkollna l-ewwel mutur tal-infurzar ukoll fil-gżira Għawdxija, biex b’hekk issa Transport Malta se tkun kabbret il-flotta tagħha għal disa’ muturi li se jkunu qed iduru fit-toroq arterjali u distributorji ta’ pajjiżna. Iżda apparti minn hekk, Transport Malta wkoll kabbret il-kapaċità ta’ kameras li għandu t-Traffic Control Centre, hekk kif issa l-istess awtorità wkoll se jkun qed ikollha aċċess sħiħ sabiex issegwi s-sitwazzjoni tat-traffiku fil-Kappara Junction, fuq il-flyovers tal-Marsa, fil-mini u r-roundabout ta’ Santa Luċija, u anke fi Triq Buqana.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Ian Borg nieda l-kampanja edukattiva ta’ Transport Malta għal qabel jirritornaw l-istudenti fl-iskejjel. Huwa spjega li din il-kampanja se tkun qed tiffoka fuq tliet temi prinċipali li lkoll jorbtu mal-użu bl-aħjar mod tat-teknoloġija u s-servizzi pprovduti sabiex niffaċilitaw l-ivjaġġar.

Il-Ministru għat-Trasport fakkar li għal darb’oħra Transport Malta se tkun qed toffri servizz ta’ towing b’xejn sabiex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku jekk għal xi raġuni jew oħra xi ħadd tkun waqfitlu l-vettura tiegħu. It-tow truck se jkun qed jiġi fuq il-post u jressaq il-vettura fl-ewwel art sigura biex it-traffiku jibqa’ għaddej b’mod normali u tiġi evitata konġestjoni tat-traffiku. Dan is-servizz se jkun qed jingħata matul is-sena skolastika, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-06:00am sad-09:30am u mit-03:30pm u sas-06:30pm. Dan is-servizz jista’ jinkiseb billi iċċempel fuq 80073399.

Huwa ħeġġeġ lil kull min se jsuq il-vettura personali biex qabel jitla’ bil-vjaġġ tiegħu jiċċekja l-app Maltese Roads Traffic Updates sabiex ikun jaf fejn jista’ jevita toroq li jinsabu traffikużi u b’hekk jevita xi konġestjonijiet li jista’ jkun hemm. Il-Ministru Borg enfasizza biex din l-app ma tintużax waqt is-sewqan.

Il-Ministru Ian Borg temm id-diskors tiegħu billi fakkar li l-istudenti Għawdxin li jiġu jistudjaw Malta, malli jinżlu l-art wara li jkunu qasmu l-fliegu bil-vapur jew bil-fast ferry jistgħu jużaw it-trasport pubbliku li jeħodhom b’mod dirett lejn l-Universtà, l-MCAST jew il-Junior College, permezz tar-rotta 300. Apparti minn hekk, ftit tal-jiem ilu ġiet introdotta wkoll ir-rotta 150 li tmur dirett lejn l-MCAST f’Raħal Ġdid.​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com