“Robert Abela Qed Jittrasforma X-Xandir Pubbliku F’Magna Ta’ Propaganda Laburista” – Il-PN

 “Robert Abela Qed Jittrasforma X-Xandir Pubbliku F’Magna Ta’ Propaganda Laburista” – Il-PN

“Ix-xandir nazzjonali Malti, jiġifieri Television Malta, hu maħkum minn Robert Abela u mill-Partit Laburista. Kulma jmur qed naraw lil Robert Abela jittrasforma x-xandir pubbliku, x-xandir tan-nies, ix-xandir ta’ kulħadd, f’magna ta’ propaganda Laburista qawwija.”

Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius u mill-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Alessia Psaila Zammit.

Waqt il-konferenza ingħad kif il-gvern Laburista qed jimpjega lin-nies tal-qalba mal-PBS u qed jagħti l-ogħla karigi lill-persuni leali lejh biex fl-aħħar mill-aħħar il-pubbliku jkollu biss il-messaġġi li jridhom iwasslu l-Partit Laburista.

Il-kelliema tal-PN qalu li fl-aħħar jiem tħabbar kif TVM2, stazzjon ta’ kultura, arti, xjenza u tagħrif ġenerali, ħa jkun qed jsir TVMNews+. “Stazzjon li jidher biċ-ċar li se jkun il-fus tal-propaganda tal-Labour fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni li ġejja. Pjan maħdum bizzilla biex TVM, tvmnews+ u s-Superone jilħqu udjenzi akbar, u dan għad-detriment tal-messaġġ u l-proposti studjati u ikkostjati tal-Partit Nazzjonalista,” komplew jgħidu l-kelliema tal-PN.

Huma saħqu li d-demokrazija tirrikjedi li għandu jkun hemm bilanċ bejn gvern u oppożizzjoni fuq xandir tal-istat u l-istazzjon nazzjonali biex iċ-ċittadin jkollu l-informazzjoni kollha, kif bi dritt għandu jkollu kull ċittadin permezz tal-kostituzzjoni.

“Il-Partit Nazzjonalista ftit li xejn qed jingħata ċans iwassal il-messaġġ tiegħu u jispjega l-inizjattivi u l-proposti tiegħu. U meta jingħata ftit ħin waqt l-aħbarijiet, il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista jitqiegħed lejn l-aħħar tal-bulettin,” tennew jgħidu David Agius u Alessia Psaila Zammit.

Huma komplew isostnu li “fl-aħħar xhur, ta’ kuljum, qed naraw l-aħbarijiet tat-tmienja jinjoraw numru ta stqarrijiet tal-Partit Nazzjonalista jew ipoġġu l-istqarrijiet u l-konferenzi tal-Partit Nazzjonalista wara r-riklami u wara 8:30pm u wara l-aħbarijiet ta’ barra.”

Il-Kelliema tal-PN temmew il-konferenza billi qalu li “dan in-nuqqas ta’ imparzjalità bi ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, u dan l-iżbilanċ bi ksur tal-liġijiet tax-xandir huma inkwetanti ħafna f’soċjetà demokratika.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com