“Taħt Pressjoni Bernard Grech Ħarab, Għajjat U Ġab fatti Ħżiena” – Il-PL
“Dalgħodu Bernard Grech reġa’ wera x’tip ta’ politiku hu. Jistieden lil min jintervistah, jaħrab milli jwieġbu u jintefa’ jgħajjat f’wiċċu. Imbagħad jieħu għalih jekk ikun hemm min jgħidlu politiku cheap!”
Hekk tenniet l-istqarrija mill-Partit Laburista fejn saħqet li meta kien mistoqsi fuq diversi suġġetti li huma relevanti għall-ħajja ta’ nies, Bernard Grech infexx għal darba wara oħra jgħajjar lill-Prim Ministru Robert Abela.
“Hekk jagħmel min m’għandux fuqhiex jitkellem u lanqas il-fatti ma jġib sew. Biex nagħtu biss tliet eżempji: Bernard Grech qal li l-flus tal-pjan ta’ rkupru huma self. Mhu minnu xejn. Qal ukoll li t-toroq kollha qed isiru b’fondi Ewropej. Mhu minnu xejn. Qal ukoll li l-gvern ma ħariġx white paper dwar il-liġi tal-cannabis meta din ħarġet f’Marzu li għadda”, tkompli tgħid l-istqarrija.
“Filwaqt li baqa’ għaddej iwiegħed kollox lil kulħadd, ma kienx kapaċi jgħid imqar kemm se tiswa wegħda waħda minn dawk li għamel f’dagħdigħa biex jipprova jibda jiġbor xi ftit appoġġ.
Mhux ta’ b’xejn li ma’ kull jum li jgħaddi lil Bernard Grech, il-poplu qed jafdah inqas”, temm jgħid il-Partit Laburista.