Wied Għollieqa Ħa Jkun Riabilitat B’Investiment Ta’ €500,000
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministri Ian Borg u Aaron Farrugia, tħabbar illi fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tibda riġenerazzjoni sħiħa ta’ Wied Għollieqa, dan anke bħala kumpens għall-proġett tal-Kappara Junction illi tlesta ftit tas-snin ilu.
Transport Malta, li dak iż-żmien kienet inkarigata mit-twettiq ta’ dan il-proġett infrastrutturali, imbarkat fuq pjan flimkien mal-ERA sabiex tiġi implimentata din ir-riabilitazzjoni li ilha tant mistennija, l-aktar minn dawk li jiffrekwentaw l-Università ta’ Malta. Huwa mifhum li x-xogħlijiet pjanati se jkunu qed isiru bl-għajnuna tal-Coastal u Stormwater Unit fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport taħt il-moniteraġġ tal-ERA.
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg spjega kif ix-xogħlijiet li se jkun qed jagħmel dan il-Unit fi ħdan il-Ministeru li huwa jmexxi se jkun qed ineħħi l-ispeċi invażivi li ħadu fil-wied biex imbagħad jibda t-tħawwil mill-ġdid ta’ speċi indiġeni fejn huwa stmat li jkun hemm 39 speċi differenti li b’kollox se jammontaw għal madwar 5,500 pjanta filwaqt li jkunu protetti dawk diġà eżistenti. Apparti minn hekk, il-Ministru Borg spjega kif se jkun mnaddaf ukoll kwalunkwe materjal mormi u anke ssir tiswija u rikostruzzjoni tal-ħitan tal-konfini, primarjament il-ħitan tas-sejjieħ.
“L-għan tagħna huwa li nżidu l-ispeċi li huma nieqsa, filwaqt li nħallu spazju għal żvilupp agrikolu. Dan l-investiment ta’ €500,000 se jingħaqad ma’ bosta inizjattivi li bħala Gvern qed nieħdu sabiex insebbħu bosta żoni madwar il-pajjiż tagħna”, temm jgħid il-Ministru Borg.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Aaron Farrugia spjega li Wied Għollieqa huwa sit sensittiv ħafna għaliex huwa żona speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza nazzjonali, santwarju tal-għasafar, żona għall-ħarsien tas-siġar, area ta’ importanza ekoloġika kif ukoll sit ta’ importanza xjentifika. B’hekk, dan il-proġett qed isir biex jagħmel tajjeb għall-impatti li proġetti ta’ żvilupp kapaċi jkollhom fuq l-ambjent naturali.
“Biex nipproteġu dan kollu, irridu nagħtu protezzjoni xierqa lis-siti ta’ importanza ekoloġika. B’hekk, jeħtieġ li nagħmlu mill-aħjar li nistgħu biex nissalvagwardjaw l-patrimonju ambjentali tagħna u naħdmu biex nimmitigaw l-impatti tat-tibdil fil-klima permezz ta’ inizjattivi ta’ afforestazzjoni u proġetti ekoloġiċi, kif ukoll l-immanniġġjar xieraq tal-abitat naturali,” qal il-Ministru Farrugia, filwaqt li faħħar ix-xogħol ta’ Nature Trust Malta (NTM) li jimmaniġġjaw dan is-sit permezz ta’ ftehim mal-ERA.
L-ERA bħalissa tinsab ukoll f’diskussjonijiet ma’ TM u NTM fuq il-pjan ta’ kif ser isiru x-xogħlijiet biex ikompli jiġi mħares l-ambjent waqt ix-xogħlijiet li ser isiru f’dan is-sit.