Żewġ Uffiċjali Korrettivi Se Jitressqu L-Qorti B’Rabta Ma’ Każ Ta’ Attentat Suwiċidju Fil-Ħabs
Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi kien mgħarraf li l-Pulizija se tressaq żewġ uffiċjali korrettivi permezz ta’ ċitazzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati dwar reati ta’ natura involontarja.
Dan b’rabta mal-inkjesta maġisterjali li nfetħet fil-każ ta’ attentat suwiċidju li seħħ fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin nhar is-16 ta’ Ġunju 2021.
Fi stqarrija ntqal li jirriżulta li l-Maġistrat Inkwerenti sabet nuqqasijiet fil-konfront taż-żewġ uffiċjali korrettivi. Il-ħaddiema konċernati kienu sospiżi b’mod immedjat u huma wkoll soġġetti għall-proċeduri quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi talab lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex ikollu kopja procès-verbal in kwistjoni.
Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ifakkar ukoll li diġà kien ħatar ukoll bord ai termini tal-Att dwar l-Inkjesti – Kap. 273, bil-għan li jevalwa u jagħti rakkomandazzjonijiet dwar l-operat fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.