“122 Nurse U 14-il Midwife Ġodda Fis-Servizz Tas-Saħħa” – Id-DPM Chris Fearne

 “122 Nurse U 14-il Midwife Ġodda Fis-Servizz Tas-Saħħa” – Id-DPM Chris Fearne

F’messaġġ fuq il-mezzi soċjali d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li għadhom kemm ingħaqdu 122 infermier ġdid kif ukoll 14-il qabla għas-servizz tas-saħħa fl-Isptar Mater Dei.

Mill-122 infermier ġdid, 114 huma żgħażagħ li għadhom kif iggradwaw mill-Università ta’ Malta kif ukoll mill-Università ta’ Northumbria.

Waqt żjara lil uħud minn dawn l-infermiera ġodda fl-Isptar Mater Dei, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fakkar li l-iżjed riżors importanti għal servizz tas-saħħa eċċellenti huwa r-riżors uman. Huwa saħaq li l-ingaġġ ta’ dawn l-għexieren ta’ professjonisti ġodda se jippermetti lill-awtoritajiet għas-saħħa jagħtu iżjed servizzi lill-pazjenti, iżidu l-operazzjonijiet u jżidu l-kapaċità tal-iswali tal-Isptar Mater Dei biex b’hekk il-kura tal-Maltin u tal-Għawdxin tibqa’ tingħata fuq livell ta’ eċċellenza.

Id-Deputat Prim Ministru awguralhom kull suċċess f’din il-karriera li teħtieġ vokazzjoni kbira u ħeġġiġhom biex ikomplu jispeċjalizzaw f’oqsma differenti. ​​

Huwa irringrazzjahom ukoll tax-xogħol u d-dedikazzjoni li diġà bdew jagħtu fl-isptar hekk kif kienu diġà ta’ għajnuna kbira biex jittaffa l-piż li kien hemm fuq l-isptar waqt l-għeqqel tal-pandemija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com