“Bi Sforz Żgħir Jinexxielna Nnaqqsu L-Aċċidenti” – Il-Bank Tad-Demm

 “Bi Sforz Żgħir Jinexxielna Nnaqqsu L-Aċċidenti” – Il-Bank Tad-Demm

L-aċċidenti, li tista’ tgħid iseħħu kuljum fit-toroq tagħna, huma piż fuq is-Servizz tas-Saħħa f’pajjiżna, kif ukoll fuq għadd ta’ entitajiet u dipartimenti oħra. Iżda mhux biss! L-aċċidenti, għandhom ħafna riperkussjonijiet fuq il-ħajja tal-korrut flimkien mal-familja kollha, u jekk wieħed jirrifletti u jaġixxi fuqhom żgur li ma jieħux riskji bla bżonn.

Hawn tajjeb li nkunu pożittivi u nemmnu li flimkien bi sforz żgħir jirnexxilna innaqqsu l-aċċidenti u l-morr li jġibu magħhom.

Għaldaqstant is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, fi ħdan il-Kunsill Dwar is-Sigurtà tat-Toroq jappella biex fost l-oħrajn:

-ma jsirx sewqan eċċessiv,
-iċ-ċirturini tas-sigurtà (ta’ quddiem kif ukoll ta’ wara) jintlibsu dejjem,
-ma jiġix ikkunsmat alkoħol minn dawk li ser isuqu,
-ma jintużax il-mobile phone minn min ikun qed isuq
-wieħed iżomm id-distanza sigura mill-karozza ta’ quddiemu, speċjalment fix-xita u ż-żlieq

Sadanitant, Is-Servizz ikompli jappella għad-donazzjonijiet tad-demm għall-ħtiġijiet tal-pazjenti eżistenti, liema donazzjonijiet jistgħu isiru:

-fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa li jiftaħ KULJUM (7 ijiem fil-ġimgħa inkluż il-Ħdud u l-Festi Pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm.
-fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar il-Ħadd 24 t’Ottubru mit-8:30am sas-1:00pm ser ikun fil-wesgħa ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien.
-fil-Berġa tax-Xewkija li nhar Il-Ħadd 24 t’Ottubru ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

Noti importanti!

Dawk li għamlu s-swab test, sew jekk ta’ rutina, sew jekk minħabba safar, huma mitluba biex jistennew sal-waqt li joħroġ riżultat COVID-19 Negative, imbagħad jersqu biex jagħtu d-demm.

Huwa rrakkomandat li wieħed isegwi l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u jieħu t-tilqima tal-COVID-19. F’dan il-każ min jieħu t-tilqima jrid iħalli 48 siegħa qabel jersaq biex jagħti d-demm, waqt li min ikollu deni jew sintomi t’influwenza, jrid iħalli 7 ijiem.

Dawk li ser jersqu biex jagħtu d-demm iridu jippreżentaw il-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan inkella passaport Malti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com