“Il-Baġit 2022 Se Jkompli Jinvesti Fis-Sigurtà Biex Il-Maltin Iħossuhom Siguri F’Pajjiżna”

 “Il-Baġit 2022 Se Jkompli Jinvesti Fis-Sigurtà Biex Il-Maltin Iħossuhom Siguri F’Pajjiżna”

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri indirizza konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’, fejn tkellem dwar kif il-Baġit 2022 se jkompli jinvesti fis-sigurtà biex kull Malti u Għawdxi jibqa’ jħossu sigur li jgħix f’pajjiżu.

Il-Ministru Camilleri qal li, meta mqabbel mal-2012, il-baġit għas-sena d-dieħla jara sitt darbiet aktar investiment kapitali għall-entitajiet ewlenin fis-settur tas-sigurtà. Il-Protezzjoni Ċivili se tissokta bl-investiment f’apparat ġdid, rinovar tal-istazzjonijiet minn fejn taħdem u se tagħti aktar taħriġ lill-ħaddiema tagħha. Permezz tal-baġit għall-Forzi Armati ta’ Malta, se jkompli għaddej ix-xogħol fuq iċ-ċentru operattiv ġdid f’Ħal Luqa, filwaqt li jinxtara tagħmir tal-aqwa kwalità biex jaqdi l-ħtiġijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Ministru żied li għal sena oħra se nkomplu nsaħħu r-riżorsi tal-Korp tal-Pulizija. Għaldaqstant, il-gvern se jibqa’ jappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ trasformazzjoni b’investiment kapitali. “B’dan l-investiment, se nkunu nistgħu nkomplu nwettqu l-proġett tal-pulizija tal-komunità, nirriġeneraw l-għases ewlenin, inġibu vetturi ġodda u teknoloġija moderna li ssaħħaħ l-effiċjenza tal-Korp,” spjega l-Ministru. Huwa semma wkoll li ftit ġimgħat oħra l-Korp tal-Pulizija se jkun qed jaġġorna l-proċeduri interni, hekk kif se tiġi introdotta tattoo policy ġdida b’linji gwida ċari.

Flimkien ma’ dawn il-miżuri, il-Baġit 2022 se jkun qed isostni l-ħidma tal-Victim Support Agency li twaqqfet aktar kmieni din is-sena. Għaldaqstant, l-appoġġ li jingħataw il-vittmi tal-kriminalità se jibqa’ jissaħħaħ billi jiżdiedu l-ħaddiema u l-professjonisti li jservu fl-aġenzija u anke b’uffiċini ġodda fil-qalba tal-komunità.

Is-Servizzi Korrettivi huma wkoll parti integrali mis-sigurtà tal-pajjiż u għaldaqstant se jiddaħħlu prattiċi li jintużaw f’ħabsijiet moderni, fosthom il-liġi tal-moniteraġġ elettroniku, li se tkun għodda korrettiva ġdida. Dan, flimkien mal-bini ta’ ċentru ta’ rijabilitazzjoni ġdid li jieħu madwar 140 persuna, se jwasslu biex l-istat iwaqqaf l-ewwel low-security prison fil-pajjiż.

Fuq is-settur tal-immigrazzjoni, il-Ministru Camilleri spjega li l-piż tal-immigrazzjoni kompla jiġi indirizzat bit-twaqqif tar-Returns Unit, li kienet miżura tal-Baġit 2021. Dan flimkien mat-tisħiħ tar-riżorsi umani fi ħdan il-Pulizija tal-Immigrazzjoni u l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali wasslu biex illum naqsu drastikament in-numru ta’ nies li jgħixu fiċ-ċentru tal-immigranti. Għalhekk, kif tħabbar fil-baġit, iċ-ċentru tal-immigranti ġewwa l-Marsa jinsab fi stadju avvanzat biex jingħalaq kompletament, mingħajr ma jitpoġġa piż ġdid fuq lokalitajiet oħrajn. Din iż-żona se tiġi riġenerata biex tibda tintuża mill-għaqdiet u żgħażagħ Marsin.

“Jien ħerqan biex, fil-ġimgħat li ġejjin, nibqgħu nagħlqu proġetti li għandna f’idejna u fix-xhur li ġejjin nibdew inwettqu l-inizjattivi ta’ Baġit 2022 biex inħallu Malta aħjar għal uliedna,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com