Bil-Filmat: Ir-Ritorn Ta’ Teatru Malta Għall-Istaġun Il-Ġdid

 Bil-Filmat: Ir-Ritorn Ta’ Teatru Malta Għall-Istaġun Il-Ġdid

Id-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta Sean Buhagiar, Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Dr Jose Herrera u l-President Eżekuttiv tal-Arts Council Malta Albert Marshall nedew il-programm tal-istaġun il-ġdid ta’ Teatru Malta fis-Sala Friggieri ġewwa l-Valletta Design Cluster aktar kmieni llum.

Il-Programm tal-Avvenimenti għall-Ħarifa/Xitwa, l-ewwel wieħed mill-2020, li fih xogħol ta’ arti oriġinali mill-artista tal-collage Fabio D’Amato, issa huwa disponibbli b’xejn, mill-ħwienet kollha tal-Agenda Bookshop, WHSmith u 8tillLate madwar Malta u Għawdex. Il-programm jenfasizza x-xogħol li l-kumpanija nazzjonali tat-teatru ħadmet biex tiżviluppa matul il-pandemija.

“Ninsabu kuntenti qed nerġgħu lura fir-rwol tagħna bħala l-kumpanija nazzjonali tat-teatru għall-udjenzi tagħna, billi qed nippreżentaw programm li jista’ jeżisti biss hawn Malta waqt li nikkollaboraw ma’ wħud mill-ikbar ismijiet tat-teatru fid-dinja,” qal Buhagiar.

Matul it-tnedija, il-Ministru Herrera ħabbar li b’mod partikolari l-Ministeru se jkun qed jippreżenta avviż legali li jistabbilixxi lil Teatru Malta bħala aġenzija stand-alone, li sservi bħala l-kumpanija nazzjonali tat-teatru ta’ Malta. Dan l-avviż legali se jitnieda b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura.

“Bħala gvern, impenjati li nkomplu nsaħħu s-settur kulturali b’mod li nkomplu noffru aktar aċċessibilta lill-komunità tagħna. Permezz tal-programm li qed inniedu illum għall-iskeda tal-Ħarifa/Xitwa, Teatru Malta qed toffri għażla vasta ta’ produzzjonijiet li jitrattaw temi interessanti u rilevanti, b’mod li nkomplu nżidu l-attendenza ta’ udjenzi ġodda, li ssoltu mhumiex midħla tat-teatru,” sostna l-Ministru Jose Herrera. Huwa kompla li qed isiru bosta kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet kulturali sabiex jitwassal dan il-programm varjat, kif ukoll kollaborazzjoni ma’ Ministeri u organizzazzjonijiet oħra rilevanti, sabiex inkomplu inżidu fuq l-innovazzjoni fi ħdan is-settur.

Teatru Malta se jkun qed jaħdmu ukoll fuq strateġija ta’ ħames snin b’konsultazzjoni mal-artisti assoċjati tagħhom Paul Portelli, Lee-n Abela, Jimmy Grima, Marta Vella, Simon Bartolo u Simone Spiteri. L-istrateġija se tiġi ppreżentata għall-konsultazzjoni pubblika fi żmien li ġej.

Ara l-filmat:

Ritratti: Lindsey Bahia

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com