DJ Mill-Kolombja Nżamm Arrestat Wara Li Ġie Akkużat Bi Stupru Fuq Tfajla

 DJ Mill-Kolombja Nżamm Arrestat Wara Li Ġie Akkużat Bi Stupru Fuq Tfajla

DJ li jdoqq f’Paceville nżamm arrestat wara li ġie akkużat bi stupru fuq tfajla.

L-akkużat, huwa raġel Kolombjan ta’ 32 sena residenti Paceville, li ismu ma jistax jissemma’ fuq ordni tal-Qorti. Huwa jaħdem bħala DJ f’klabb ġo Paceville.

Il-Maġistrat Nadine Lia semgħet lill-Ispettur John Spiteri jispjega kif il-vittma kienet marret għand il-Pulizija bid-dmugħ, u qaltilhom kif, wara li kienet talbet lid-DJ biex iddoqq diska għaliha, huwa kien qalilha biex tmur għandu fid-dar tiegħu f’Paceville, iżda hi m’aċċettatx. Huwa rnexxielu jikkonvinċiha biex tgħinu jtella’ xi apparat fejn kien joqgħod fejn allegatament f’dak il-ħin għamel avvanzi sesswali u anke kien hemm penetrazzjoni mingħajr il-kunsens. Ġie rakkontat kif l-għada, huwa kien bagħat messaġġ lill-vittma fuq Instagram, u skuża ruħu għal dak li ġara.

Fil-Qorti ntqal u wkoll li meta sħabha bdew iċemplulha għax kienet nieqsa minn ħdejhom għal madwar 20 minuta, hija niżlet mir-residenza viċin l-istabbiliment. Sħaba rawha li kienet taħt xokk u bdiet tibki, huma qabdu taxi u marru lura r-residenza.

L-akkużat wieġeb mhux ħati ta’ dawn l-akkużi. L-avukati tiegħu, Rachel Tua u Edmund Cuschieri, talbu l-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni talbet projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni ta’ isem il-vittma, iżda din ġiet ikkontestata mid-difiża, li argumentat fost affarijiet oħra li jekk xejn, kemm l-isem tal-akkużat kif ukoll tal-vittma għandu jkun hemm divjett fuqhom. Wara li semgħet argumenti miż-żewġ naħat, il-Qorti imponiet projbizzjoni fuq l-isem kemm tal-akkużat kif ukoll tal-allegat vittma.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat ukoll għall-ħelsien mill-arrest fejn qalet li l-vittma għada ma’ xehditx.

Min-naħa tagħha, id-difiża qalet li l-akkużat “m’għandux jiġi diskriminat għax hu barrani.” Kien argumentat li l-vittma kienet tat ix-xhieda tagħha ta’ dak li ġara fl-inkjesta, iżda dan ġie rribattut minn Spiteri, li qal li t-tfajla kienet wieġbet biss xi mistoqsijiet relatati mal-eżami medico legali u ma kienitx tat rendikont sħiħ.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-vittma għadha trid tixhed quddiem il-Qorti. Dan filwaqt li hemm xiehda oħra li jridu jixhdu u għalhekk hemm biża’ reali ta’ intralċ tal-provi. Il-Qorti madankollu talbet il-prosekuzzjoni sabiex tressaq il-provi tagħha mill-aktar fis.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri u Brian Xuereb.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com