Għaliex Il-Faċċata Tal-Każin Tal-Banda Peace Fin-Naxxar Mixgħula Oranġjo?
Dan ix-xahar ta’ Ottubru normalment nassoċjawh mal-Pink October u l-kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider, però mhux biss. Ottubru huwa marbut ukoll mal-kundizzjoni tal-ADHD fejn matul dan ix-xahar tinħoloq kuxjenza u għarfien dwar din il-kundizzjoni fost oħrajn.
Il-lejla fil-Pjazza tan-Naxxar is-Soċjetà Mużikali Peace ħadet l-inizjattiva sabiex il-lejla tixgħel il-faċċata ta’ Palazzo Vittoria sede tagħhom bil-kulur oranġjo. Dan il-kulur u x-xahar ta’ Ottubru huma marbuta mal-kundizzjoni tal-ADHD.
L-ADHD hija kundizzjoni newrobijoloġika, li taffettwa dawk il-partijiet tal-moħħ li jikkontrollaw l-attenzjoni, l-impulsi u l-konċentrazzjoni. Jidher li minn 5% sa 11% tat-tfal fl-età tal-iskola għandhom l-ADHD. Is-subien huma tliet darbiet aktar probabbli li jiġu dijanjostikati bl-ADHD mill-bniet.
“Permezz ta’ aktar għarfien nistgħu nagħmlu u nifhmu l-ħajja ta’ xulxin aktar aħjar,” tennew jgħidu l-Soċjetà Mużikali Peace permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali tagħhom.
Matul il-ġimgħa li għaddiet il-faċċata ta’ Palazzo Vittoria kienet mixgħula wkoll din id-darba bil-kulur roża bħala parti mill-kampanja tal-Pink October.