Ġimgħa Ta’ ‘Spooktacular Science’ Ġewwa L-Esplora
Skeletri, sħaħar, fatati u qargħa aħmar, dawn huma ftit minn bosta karattri u oġġetti sinonimi mal-festa tal-Halloween. Festa relatata ma’ dak kollu li hu assoċjat mal-biża. Iżda, mhux kollox jista jbeżża f’din il-festa annwali. Bħal kull sena, ċ-ċentru interattiv għax-xjenza, Esplora, jiċċelebra l-festa tal-Halloween b’mod differenti. Wieħed jista’ jħares lejn din il-festa minn perspettiva kompletament differenti minn tas-soltu. Jekk iżżur Esplora fi żmien il-Halloween, tkun qed tidħol f’dinja kemxejn differenti minn dik li nassoċjaw fi żmienijiet oħra. Esplora ser ikun qed iħares lejn id-dinja tal-Halloween minn lenti xjentifika. Dan jiġifieri ser tkunu tistgħu tesperjenzaw l-festa tal-Halloween b’mod differenti u interattiv .
Matul dawn l-aħħar snin, Esplora dejjem tella’ avveniment speċjali fil-festi tal-Halloween. Kull sena l-Halloween ġewwa l-Esplora jieħu xejra ’spooktakolari’, b’tema differenti. Din is-sena, minflok ser jiġi iċċelebrat matul il-lejl tal-Halloween, Esplora ser ikun qed jiċċelebra din it-tema speċjali mifruxa fuq gimgħa sħiħa. Għandek kemm għandek eta’, ser issib numru ta’ attivitajiet relatati max-xjenza bi stil kemxejn tal-biża’; mhux li jwerwer ħafna iżda biżżejjed biex iqajjimmlek ġismek xewk xewk.
Bejn is-Sibt 30 t’Ottubru u l-Erbgħa 3 ta’ Novembru 2021, ġewwa l-Esplora ser inkunu qed niċċelebraw din it-tema, sabiex b’hekk il-familji jesperjenzaw attivitajiet tal-Halloween differenti f’kuntest edukattiv u ta; pjaċir. Fix-xow spettakolari fuq is-suġġett tan-nar, żgur se tinżammu fuq ix-xwiek b’xi fjamma safra, ħamra, ħadra jew blu. Forsi tissaħħru bil-kimiċi grandjużi jew tiskantaw bil-kumplessita tal-organi tal-ġisem. Apparti xows, ser tkun tista’ tingħaqad mal-membri tat-tim tal-Esplora sabiex nagħmlu flimkien xi esperiment jew niskopru xi ħaġa ġdida.
Esperimenta bid-dawl u ara liem likwidu jixgħel bl-aktar mod misterjuż, ilgħab b’illużjonijiet tad-dawl jew kabbar strutturi tal-kristall bis-saħħa ta’ kimika stramba. Dan kollu se jkun qed jiġi offrut fil-ġimgħa tal-Halloween ġewwa l-Esplora. Ġimgħa mimlija kurżità u eċitament għall-affarijiet mhux tas-soltu biss però xorta waħda affarijiet edukattivi u ta’ pjaċir.
Segwu l-paġna soċjali ta’ Facebook biex tkun taf aktar!
(Dan l-artiklu nkiteb minn Des Cini, Education Programme & Content Developer ġewwa Esplora Interactive
Science Centre.)