Iffirmat Ftehim Ta’ Kollaborazzjoni Bejn L-Awtorità Tad-Djar U L-Università

 Iffirmat Ftehim Ta’ Kollaborazzjoni Bejn L-Awtorità Tad-Djar U L-Università

Ilbieraħ il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes kien preżenti għall-iffirmar tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni dwar l-istudju li qed isir fuq il-care plan għal benefiċjarji tal-akkomodazzjoni soċjali, ftehim li ġie ffirmat ġewwa wieħed mill-appartamenti l-ġodda tal-housing soċjali. Din hija waħda mill-ewwel miżuri tal-Budget 2022 li qed tiġi implimentata.

Il-Ministru Galdes qal li, “Dan il-budget se nibdew inwettquh mil-lum. Illum inġbarna biex niffirmaw ftehim li jikkonsolida r-rabta bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà. Flimkien se nkomplu nużaw ir-riċerka, l-esperjenza u l-għarfien biex infasslu politika personalizzata.”

“Persuna tiġi għand l-Awtorità tad-Djar għax ikollha sfida biex tassigura saqaf fuq rasha fejn ħafna drabi jkun hemm kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli, sfidi ta’ saħħa, ċirkostanzi ta’ abbuż u sfidi oħra. L-għan ta’ dan is-servizz hu li nsaħħu l-familja li tiġi tapplika. Bħalma ġie mħabbar fil-jiem li għaddew, il-care plan ħa jiġi implimentat ftit ftit u b’mod gradwali u ħa jkun qed jiġi estiż għall-applikanti u l-benefiċjarji kollha tal-housing,” spjega l-Ministru Roderick Galdes.

Fl-istudju li qed isir b’kollaborazzjoni mal-Università u li qiegħed jiġi ffinanzjat mill-Housing Development Fund fi ħdan l-Awtorità tad-Djar beda jħejji biex applikanti għall-akkomodazzjoni u benfiċjarji ta’ housing soċjali jkollhom pjan komprensiv li jagħti wens, attenzjoni, u servizzi biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li jkunu wassluhom fil-bżonn. Dan il-Care Plan ħa jgħin lill-applikanti jtejbu l-kwalità tal-ħajja u l-livell tal-għajxien tagħhom u mhux sempliċiment jingħataw akkomodazzjoni alternattiva.

L-iffirmar tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni ġie ffirmat mill-Awtorità tad-Djar u l-Università ta’ Malta. Għan-nom l-Awtorità ffirmaw iċ-Chairman Robert Ducker u l-Kap Eżekuttiv Leonid McKay, filwaqt li għall-Università ffirmaw il-Pro-Rettur, il-Professur Tanya Sammut-Bonnici u d-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi.

Min-naħa tiegħu, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi spjega li, “Din hija okkażjoni oħra fejn il-politika ssir mill-grassroots, fejn dak li għandu jseħħ ma jkunx idea jew ħolma tal-policy maker imma jinbet mill-bżonn tal-protagonisti.  Bħala Fakultà li qegħdin qrib li ngħalqu l-10 snin il-viżjoni hija dejjem dik, ċioè, li tinħoloq konversazzjoni mal-grassroots li minna jixxettel ħsieb u reżistenza biex dak li huwa ħażin jiġi indirizzat.  Il-politika soċjali tkun fl-aqwa tagħha meta tirrispondi għall-bżonn u meta tirrispondi għal dak il-bżonn mingħajr ma toħloq dipendenza.  Din ir-relazzjoni li qed tikber bejn il-Ministeru tal-Akkomadazzjoni u l-Fakultà għandha tkompli tissaħħaħ għax issa għandna prova permezz ta’ dan il-proġett li tħalli l-ġid.”

Preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-Housing Development Fund, Charmaine Mangion fejn saħqet li, “Jekk hemm riżorsa illi verament hija tiegħek għal dejjem, hija propju l-edukazzjoni u l-għarfien personali. Grazzi għall-kollaborazzjoni flimkien mal-Ministru Roderick Galdes u l-Fakultà tas-Social Well Being dan il-care plan ħa joffri assistenza għall-applikanti tal-housing, fejn kull bżonn individwali jiġi analizzat u ħa jiġu offruti servizzi ippersonalizzati. Ħa ninvestu fin-nies bħala individwi u mhux sempliċiment numru jew każ ġeneriku.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com