“Hemm Maġġoranza Silenzjuża Li Se Tagħti Risposta Dakinhar Tal-Elezzjoni…” – Bernard Grech

 “Hemm Maġġoranza Silenzjuża Li Se Tagħti Risposta Dakinhar Tal-Elezzjoni…” – Bernard Grech

“Minkejja dak kollu li jitfgħu ma wiċċna, aħna nibqgħu reżiljenti, aħna nibqgħu mexjin ‘il quddiem, konvinti, determinati, għax dak li qed aħna nkunu qed nagħmlu aħna nemmnu fih, u għax nemmnu fih nibqgħu naħdmu għalih lejl u nhar”

Hekk fetaħ id-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’attività politika li ttelgħat fid-Dar Ċentrali dalgħodu.

Bernard Grech sostna li issa huwa tard wisq għall-Partit Laburista fil-Gvern biex jerġa’ jakkwista lura dak li kiser, u għalhekk hemm bżonn il-bidla fil-pajjiż.

Meta kien qed jitkellem dwar ir-rekord ta’ dirett orders li ngħataw, apparti l-infieq fuq billboards u propaganda, huwa saħaq li kull politiku għandu obbligu li flus il-poplu jintefqu fl-aħjar interess tal-pubbliku.

Bernard Grech qal li sfortunatament għada “fil-Budget se jkollna propaganda mill-PBS li kollox miexi sew. Jien m’inix nirreferi għall-ħaddiema tal-PBS imma għal dawk fit-tmexxija u f’Kastilja li ħatfu lix-xandir pubbliku biex jikkontrollawh għas-skapitu tad-dritt tiegħek li jkollok l-informazzjoni kollha,” sostna Bernard Grech.

Il-Kap tal-PN qal li “għall-PN is-saħħa tal-Maltin tiġi l-ewwel.” Huwa fakkar kif il-Gvern qed jagħti l-miljuni ta’ flus u s’issa ma għamlu xejn għas-saħħa tal-Maltin.

Bernard Grech qal li l-Gvern Laburista minflok għażel lill-poplu, għażel lil Konrad Mizzi. “Din il-ġimgħa Konrad Mizzi kellu l-opportunità li jwieġeb għad-domandi iżda ħarab u ma marx iwieġeb għal għemilu. Sab jiddefendih lill-grupp parlamentari Laburista u lil Robert Abela.”

Il-Kap tal-PN għamel appell biex il-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lil Konrad Mizzi, u saqsa għaliex dan għadu ma sarx.

Bernard Grech qal li l-Gvern m’għandux pjan u li l-unika pjan li kellu kien fl-ewwel ġimgħa ta’ Gvern Laburista lura fl-2013 biex jaqdu lil ta’ madwarhom. B’riżultat tat-tmexxija tal-Partit Laburista fil-Gvern, kull wieħed u waħda minnha għandna €14,000 dejn fuq rasna.

Huwa saħaq li l-PN jaf fejn qiegħed u jaf fejn irid jmur, filwaqt li saqsa, “jekk il-Gvern qiegħed tassew miexi tajjeb, għalfejn se ssir elezzjoni bikrija?”

Dwar l-aħħar survey, il-Kap tal-PN qal li n-nies qed jkellmuh u qed javviċinawh persuni laburisti li ddejqu f’din is-sitwazzjoni u bil-ħniżrijiet tal-Labour. Qalulu għamel kuraġġ għax bħalna hawn ħafna.

Grech temm jgħid li “hemm maġġoranza silenzjuża li se tagħti risposta dakinhar tal-elezzjoni. Agħmlu kuraġġ. Veru li s-surveys juruna li m’aħniex nimxu ‘l quddiem, iżda hemm 80,000 ruħ li mhumiex jitkellmu imma se jitkellmu dakinhar tal-elezzjoni.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com