Iffirmat Ftehim Sabiex Għall-Ewwel Darba F’Għawdex Jiġu Offruti Servizzi Fil-Qasam Tas-Saħħa Mentali Fil-Komunità
Waqt ċerimonja li saret fl-Għarb, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u ċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca flimkien mal-President tal-Mental Health Association Pauline Camilleri, fetħu Dar Il-Kantuniera fil-qalba tar-raħal tal-Għarb. Dan wara li ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Malta Trust Foundation u l-Mental Health Association Gozo sabiex jiġu offruti servizzi ġodda fil-komunità, ikluż l-akkomodazzjoni għal persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li “l-qasam soċjali huwa dejjem prijorità fil-ħidma tagħna bħala Gvern u bħala Ministeru għal Għawdex u permezz ta’ din id-Dar, għall-ewwel darba se nkunu qed noffru servizzi ġodda fil-qasam tas-saħħa mentali li se jingħataw fil-komunità stess. Konna kommessi li nwettqu dan il-proġett għaliex irridu ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-persuni u nemmnu bis-sħiħ li l-kura fil-komunità hija ta’ ħafna aktar ġid għall-individwu. Din id-Dar hi fil-fatt l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’Għawdex.”
Il-Ministeru għal Għawdex se jieħu ħsieb il-ħlas tal-kiri ta’ Dar il-Kantuniera biex tiġi użata għal dan il-proġett, kif ukoll il-manutenzjoni tal-post u t-tindif u jipprovdi u jinstalla CCTV fuq il-post fost affarijiet oħra. Barra minn hekk, il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jgħaddi lill-Malta Trust Foundation is-somma ta’ €606,000 fuq medda ta’ 3 snin biex jitħallsu l-ħaddiema li hemm bżonn biex titmexxa d-dar. Minn naħa tagħha l-Malta Trust Foundation f’kollaborazzjoni mal-Mental Health Association Gozo se jkunu qeghdin jieħdu ħsieb it-tmexxija tad-dar, il-programm terapewtiku u se jagħmlu tajjeb għall-ispejjes rikorrenti għall-ħtiġijiet tar-residenti.
Il-Ministru Camilleri spjega kif permezz ta’ din id-dar se tkun qed titqajjem kuxjenza biex tinbidel il-preċezzjoni tan-nies u nippromwovu mġiba li tiffavorixxi saħħa mentali tajba.
Iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca stqarret li “il-komunità hija komponent importanti ħafna fl-appoġġ li jkollhom bżonn diversi persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali. Dar ‘Il-Kantuniera’ f’Għawdex se tkun qed tilħaq l-għan li tgħin fit-tħejjija ta’ persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali biex jerġgħu lura fil-komunità tagħhom. Konvinta li dan l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’Għawdex se jgħin bis-sħiħ biex kemm jista’ jkun persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali ma jiġux istituzzjonalizzati fl-isptar, iżda jgħixu fl-ambjent tagħhom, bl-appoġġ dinjituż li jixirqilhom.”
Min-naħa tagħha l-President tal-Mental Health Association Gozo s-Sa Pauline Camilleri qalet li “Il-Kantuniera hija dar unika tax-xorta tagħha għall-gżejjer Maltin li ser isservi ta’ kenn temporanju għal persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali li ser jingħataw terapija kemm individwali kif ukoll fi gruppi. Id-dar ser isservi wkoll ta’ pjattaforma għal tagħlim kemm għal studenti u professjonisti, kif ukoll għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom is-suġġett tas-saħħa mentali, bil-għan ewlieni jkun li titnaqqas kemm jista’ jkun l-istigma li sfortunatament għandha assoċjata ma’ dan is-suġġett.”
L-Isqof Anton Teuma spjega li “lkoll kemm aħna għandna sehem fis-suċċess u fil-falliment ta’ xulxin, kemm fuq livell uman u kemm fuq livell spiritwali. Ejjew ningħaqdu flimkien biex infittxu biss il-ġid ta’ xulxin, speċjalment ta’ min hu l-aktar dgħajjef.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li l-ftuħ ta’ Dar il-Kantuniera huwa xhieda ta’ kemm dan il-Gvern verament jieħu ħsieb kull settur fis-soċjetà tagħna u jemmen li kulħadd għandu jkollu kwalità ta’ ħajja tajba.