Il-Bini Tal-Impjant Waste-To-Energy Jibda Fil-Bidu Tas-Sena D-Dieħla
“Il-baġit preżentat din il-ġimgħa kompla jtella’ l-ambjent fil-kuntest wiesa’ tiegħu fuq nett tal-aġenda tal-pajjiż bi pjan fit-tul. Malta se tkompli għaddejja b’ritmu mgħaġġel fit-trasformazzjoni ekoloġika tagħha, il-mixja tagħna minn ekonomija lineari għal waħda ċirkulari u riformi tanġibbli f’setturi sensittivi bħall-industrija tal-kostruzzjoni u l-ippjanar b’miżuri u inċentivi li se jkomplu jġibu l-bidla meħtieġa.”
Hekk stqarr il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt konferenza stampa flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius.
“Qed nagħmlu investimenti bla preċedent fl-istorja ta’ pajjiżna, fuq quddiem nett it-tibdil fil-klima u l-ekonomija l-ħadra, l-immanniġġjar tas-siti ambjentali, l-afforestazzjoni u t-tħaddir fl-urban, l-immaniġġjar tal-iskart, u l-ippjanar u l-kostruzzjoni sostenibbli. L-inizjattivi li ħadna, l-istrateġiji li fassalna u l-pjanijiet li tellaqna jirriflettu l-għatx għall-bidla ta’ Gvern progressiv u r-rieda li nassiguraw ambjent aħjar għalina u għall-ġenerazzjonijiet futuri. Qegħdin nuru biċ-ċar li rridu nagħtu spazji miftuħa u siguri ’l bogħod mid-dħaħen, anke fl-urban. Spazji ħodor fejn in-nies ikunu jistgħu imorru jirrikrejaw irwiehom viċin djarhom,” stqarr il-Ministru Farrugia.
Il-Ministru spjega li l-Gvern mexa ’l quddiem fuq żewġ proġetti kbar ta’ tħaddir fl-urban u ta’ mitigazzjoni tal-impatt ta’ traffiku intensiv. “Fil-proġett tat-tisqif tal-mina f’Santa Venera, il-Gvern mexa ’l quddiem b’iktar studji elaborati minn dawk inizjali li kienu saru fl-2019 u qed jaħdem fuq il-finanzjament ta’ dan il proġett fejn qed jiġi wkoll ikkunsidrat il-kunċett ta’ public-private partnership. Dan għaliex in-nies ta’ l-akwati, il-Vendiriżi, jixriqilhom l-aħjar. L-istess livell ta’ bidla irridu nwassluh ukoll fi triq Sant’Anna l-Furjana fejn ninsabu llum u fejn wara l-istudji ġeoloġiċi issa se nimxu għal studji tal-impatt fuq it-traffiku, studji strutturali u arkeoloġiċi, dawk ambjentali u ta’ landscaping biex din l-arterja traffikuża tinbidel fi ġnien li jibqa’ sejjer sal-belt Valletta,” qal il-Ministru Farrugia.
Il-Ministru qal li x-xogħol fuq l-ispazji miftuħa u żoni ħodor ġodda fl-urban f’Ħaż-Żabbar, Ħal Qormi, il-Ħamrun, u l-Mosta, x-xogħlijiet ta’ rinovar fil-ġonna ta’ San Anton, diversi proġetti ta’ tħaddir fl-urban bħal dawk tal-Liċeo San Ġorġ Preca, Romeo Romano, Ġnien Spencer u l-Ġnien tal-Belveder, se jitlestew sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) se tkompli tfassal il-Pjanijiet ta’ Ġestjoni fuq siti tan-Natura 2000, filwaqt li jintensifikaw ix-xogħlijiet fuq Kemmuna, il-Magħluq ta’ Marsaskala, il-Victoria Lines u l-Għadira s-Safra. Il-Ministru fakkar ukoll fl-akbar investiment fl-immaniġġjar tal-iskart li qatt ra f’pajjiżna, dak ta’ €500 miljun għal kumpless ECOHIVE li bih pajjiżna se jkompli miexi mill-miżbliet għal spazji miftuħa, mill-iskart għar-riżorsa. Fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla nagħtu bidu għal-bini tal-waste-to-energy plant.
Il-Ministru qal li l-Gvern qed jinċentiva ix-xiri ta’ djar vakanti kif ukoll l-iżvilupp ta’ djar bi stil tradizzjonali permezz ta’ diversi skemi nkluż it-tneħħija tat-taxxa tal-boll jew taxxa fuq il-qligħ kapitali fuq il-bejgħ ta’ proprjetajiet vakanti, proprjetajiet f’UCAs jew propjetajiet li għandhom karatteristiċi tradizzjonali Maltin.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Chris Agius saħaq dwar l-importanza tat-twaqqif tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, li issa qed taħdem sabiex fiż-żmien li ġej ikomplu joħorġu regolamenti ġodda li jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni. Semma regolamenti fuq il-ħiliet minimi tal-ħaddiema fis-settur u l-liċenzjar tal-kuntratturi.
Hu qal ukoll li waslu fi stadju finali l-ewwel partijiet tal-Kodiċi Nazzjonal tal-Bini. Is-Segretarju Parlamentari tenna li fiż-żmien li ġej ser ikun hemm ukoll tibdiliet fil-ħinijiet fejn jista’ jsir skavar u twaqqiegħ ta’ bini.
Hu żied li dawk li jaħdmu fis-settur tal-bejgħ tal-propjetà ser ikunu obbligati li jkollhom liċenzja sa Jannar 2022. Qal li fl-ewwel tliet kwarti ta’ din is-sena saru 10,440 kuntratt ġdid b’valur komplessiv ta’ iktar minn 2 biljun ewro. Fl-istess perjodu fl-2018 kien hemm 9,400 kuntratt b’valur ta’ iktar minn biljun ewro. Iż-żieda din is-sena imqabbla mas-sena 2018 hi ta’ madwar 500 miljun ewro. Hu għalaq billi rringrazzja lil kull min jagħmel parti minn dawn l-oqsma tas-sehem importanti li taw fit-tkabbir ekonomiku li kellna fl-aħħar snin.