Il-Kumpanija Ta’ Josette Vella Schembri Użata Biex Jiġu Trasferiti Eluf Ta’ Flus

 Il-Kumpanija Ta’ Josette Vella Schembri Użata Biex Jiġu Trasferiti Eluf Ta’ Flus

Dalgħodu fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Josette Vella Schembri li qed tkun akkużata b’ħasil ta’ Flus.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, fix-xhieda tagħha l-Ispettur Leanne Bonello qalet li l-kumpanija tal-mara ta’ Keith Schembri 3City Design li twaqqfet fl-2008 kienet qed tintuża biex fiha jiġu trasferiti eluf kbar ta’ flus minn kumpaniji oħra fosthom mingħand Adrian Hillman, Allied Newspapers u Keith Schembri.

3City Design infetħet fis-sena meta sar l-ewwel ftehim bejn il-Kasco u l-Allied Newspapers fuq ix-xiri tal-apparat tal-istampar tal-gazzetta.

Mix-xhieda tal-Ispettur Bonello ħareġ li Adrian Hillman kien ittrasferixxa madwar €14,000 lill-kumpanija 3City Design. Vella Schembri qalet lill-Pulizija li dawn kienu flus ta’ servizzi ta’ ‘interior design’ għad-dar tiegħu, però Vella Schembri ma għanda l-ebda dokumenti biex tissostanzja.

Jidher ukoll li somom sostanzjali ta’ flus daħlu f’din il-kumpanija mingħand Allied Newspapers ukoll.

€57,784 kienu trasferiti ukoll minn Keith Schembri għal 3City Design fi tliet tranżazzjonijiet, però Vella Schembri lanqas hawn ma għanda dokumenti x’tippreżenta.

Apparti min hekk l-Ispettur Bonello żiedet tgħid li Malcolm Scerri, Kap Eżekuttiv ta’ Kasco Group, ukoll irċieva xi flus minn din il-kumpanija, fejn iktar tard speċifikat li l-ammont huwa ftit iktar minn €44,000 li ngħataw f’pagamenti kull xahar. Vella Schembri qalet lill-Pulizija li dawn kienu għal servizzi li ta, imma ma kellhiex dokumenti x’turi.

Is-seduta ġiet aġġornata għall-11 ta’ Novembru.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com