Il-PM Robert Abela U L-Ministru Miriam Dalli Jikkundannaw L-Aġir Ta’ Karl Stagno Navarra

 Il-PM Robert Abela U L-Ministru Miriam Dalli Jikkundannaw L-Aġir Ta’ Karl Stagno Navarra

Il-Prim Ministru Robert Abela kkundanna l-aġir ta’ Karl Stagno Navarra u d-diskors li qal fil-konfront tal-għaqda Occupy Justice kif ukoll dwar il-filmat li wera waqt il-programm ‘Pjazza’, fejn kienu jidhru quddiem id-Depot tal-Pulizija waqt li kienet għaddejja l-protesta d-Deputat Claudette Buttigieg, il-ġurnalist ta’ ‘Lovin Malta’ Tim Diacono kif ukoll il-Kanonku David Cilia.

Kelliem mill-OPM qal lis-sit Lovin Malta li “l-Prim Ministru kien dejjem ċar u jikkundanna kull tip ta’ kumment li jista’ jattakka jew jfixkel ġurnalist waqt ħidmietu, f’dan il-każ l-attakk fuq Tim Diacono huwa inaċċettabbli.”

L-istess tip ta’ kundanna waslet ukoll mill-Ministru Miriam Dalli li lbieraħ kienet mistiedna waqt il-programm ta’ Stagno Navarra. Meta mistoqsija mill-ġurnalist ta’ ‘Times of Malta’ hija wieġbet li hi ma ikkummentatx dak il-ħin fuq il-filmat għaliex ma’ setatx tagħraf eżatt min kienu l-persuni li kienu qed jidhru fih.

Il-Ministru Dalli qalet li “l-ġurnalisti għandhom jitħallew jaħdmu f’serenita…Jien nirrispetta x-xogħol ta’ ġurnalista, jien kont ġurnalista wkoll.” Hija temmet tgħid li “kull tip ta’ kundanna żgur mhix xi ħaġa li nista’ naċċetta u mhix xi ħaġa li naqbel magħha.”

L-għaqda Repubblika ħa tkun qed tibqa’ għaddejja bil-protesta tagħha quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija sa għada filgħaxija. Dan minħabba nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija fil-konfront tad-Deputat Konrad Mizzi.

Intant l-għaqda Repubblika flimkien ma’ Occupy Justice u ManuelDelia.com fi tmiem it-72 siegħa protesta ħa jkunu qed jorganizzaw protesta nazzjonali f’Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com